Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU, DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS, WAQT IT-TNEDIJA TAL-ISKEMA QUALITY ASSURED GĦAR-RISTORANTI

pr142298
Date Icon 09/10/2014

Quality Assured Label għar-ristoranti; pass ieħor importanti lejn qabża fil-kwalità fil-prodott u s-servizz turistiku tagħna.

Huwa fatt magħruf li s-settur tar-ristoranti fl-industrija tat-turiżmu huwa wieħed ta’ ċerta daqs u importanza, partikoralment meta wieħed iħares lejn l-istatistika. Għalhekk din il-Quality Assured seal hija inizjattiva tajba, li tkompli żżid il-kwalità tal-prodott u s-servizz turistiku tagħna. Skont l-aħħar studju li kien sar fis-sena 2012 mit-taqsima tar-riċerka fi ħdan l-Awtorità għat-turiżmu ta’ Malta, ġie stabbilit li madwar wieħed u sebgħin fil-mija (71%) tat-turisti li jżuru pajjiżna, jagħżlu li jieklu f’xi ristorant madwar Malta u Għawdex. Figura, jien ngħid ta’ aktar sustanza hija dik li n-nefqa ta’ kull turist fir-ristoranti tlaħħaq iċ-ċifra ta’ madwar disgħa u tmenin (89) Ewro, li tammonta għal kważi tmienja u għoxrin fil-mija (28%) tal-infiq totali li kull turist jonfoq waqt li jkun qiegħed f’pajjiżna, eżklużi spejjeż relatati mal-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni.

Għażilt propju li nibda billi nsemmi dawn il-figuri għaliex dawn jixhdu l-importanza ta’ dan is-settur u li allura kemm għandna bżonn inkomplu ntejbu l-isforzi tagħna sabiex dak li noffru lit-turist, inkluż l-esperjenza ta’ kull turist fir-ristoranti tagħna tkun waħda ta’ livell għoli. Qegħdin hawn illum, sabiex inniedu l-marka Quality Assured (QA) għar-ristoranti, fejn din iċ-ċertifikazzjoni ser tkun għodda oħra mogħtija mill-Awtorità biex nassiguraw kwalità ta’ livell għoli fir-ristoranti, u dan għall-benefiċċju mhux biss tat-turisti li jagħżlu li jżuruna iżda wkoll għal bosta Maltin u Għawdxin li dawn ħafna drabi huma klijenti ripetuti. Ta’ min jinnota li l-kriterji magħżula għal din l-iskema huma bbażati fuq skemi internazzjonali, suġġerimenti tal-MHRA u fuq kollox huma addatati għas-suq Malti. Bit-tħaddim ta’ din l-iskema ħa nkunu qed nassiguraw livell ta’ kwalità ogħla fl-esperjenza tat-turisti li jżuruna. 

Sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, in-numru ta’ ristoranti liċenzjati mill-Awtorità sabiex joperaw f’pajjiżna kien jilħaq sitt mija u erbgħa u tmenin (684) u allura meta wieħed jara dan in-numru ikompli jikkonferma mhux biss kemm hi mifruxa din l-industrija iżda anke n-numru ta’ postijiet tax-xogħol li dan is-settur joħloq u kif ukoll x’jikkontribwixxi għall-ekonomija inġenerali tal-pajjiż.

Apparti dan kollu, din il-figura tagħtina aspettattiva li numru konsiderevoli ta’ ristoranti għandhom japplikaw sabiex jissieħbu f’din l-iskema nazzjonali. Anki minħabba l-fatt li huma dawk ir-ristoranti liċenzjati mill-Awtorità, li ser ikunu eliġibbli li japplikaw, u b’hekk dak li jkun ser ikollu rasu mistrieħa li kull ristorant li jkollu l-marka Quality Assured verament qiegħed jopera skont il-liġi u b’standard tal-aqwa kwalità possibbli. Din hija t-triq ’il quddiem, huwa b’inizjattivi ta’ dan it-tip li  tassew nistgħu ntejbu l-prodott u s-servizz turistiku tagħna, biex tassew nagħmlu minn Malta mhux biss rekord bin-numri fit-turiżmu iżda destinazzjoni ta’ kwalità.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow