IL-MINISTRU CARDONA JNIEDI L-EBIZ COURSES, PROĠETT EDUKATTIV GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U MEDJI
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Smart City Malta nieda l-EBIZ courses, proġett edukattiv ġdid li huwa intiż biex jgħaddi l-għodda neċessarja lis-sidien tal-ħwienet, ta’ intrapriżi żgħar u medji kif ukoll lis-self employed.
Il-Ministru Cardona tkellem dwar l-importanza tal-SMEs f’pajjiżna u rrefera għal rapport riċenti tal-kummissjoni Ewropea li minnu jirriżulta li matul l-2015, l-SMEs f’Malta mistenija jiżdiedu b’1,500 filwaqt li l-impjiegi fis-settur se jiżdiedu b’4000.
Dr. Chris Cardona ddeskriva dawn il-figuri bħala pożittivi ħafna, madanakollu saħaq li fadal ħafna xi jsir u li l-Gvern huwa konxju mid-diffikultajiet li n-negozji żgħar qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
“Sa mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, ħdimna ħafna biex inwettqu numru ta’ inizjattivi bil-mira li ngħinu lin-negozji Maltin biex, fi żminijiet li qegħdin jinbidlu, f’suq li ddomanda tiegħu dejjem tvarja u l-aspettativi dejjem jgħolew, in-negozji jkunu kapaċi jadataw ruħhom għal l-isfidi li jkollhom quddiemhom. Aħna konxji ta’ dawn l-isfidi u determinati li nkomplu ngħinu u nagħtu s-sapport tagħna” saħaq il-Ministru Cardona.
Il-kummerċ elettroniku huwa wieħed mill-isfidi ewlenin li qed jħabbtu wiċċhom magħha n-negozji tradizzjonali. Il-Ministru Cardona qal li dan il-Gvern mhux biss huwa impenjat li jara kif tista’ tiġi megħluba din il-problema, imma huwa determinat li jassisti lin-negozji jdawru din l-isfida f’opportunità.
“Aħna nagħrfu li quddiemna m’għandniex sfida faċli, imma jekk nieħdu azzjoni f’waqtha llum, nemmnu li l-intraprenditur Malti se jkun kapaċi jittrasforma u jaddatta n-negozju tiegħu għar-realtà diġitali” qal Dr. Chris Cardona.
Il-Proġett EBIZ huwa ntiz proprju biex jgħin lin-negozji Maltin jagħrfu li, permezz tal-ICT jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u jiksbu aċċess għal swieq akbar. B’din l-istrateġija, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jipprovdi l-għodda meħtieġa sabiex l-intrapriża Maltija tagħraf tikkapitalizza bis-sħiħ il-vantaggi li ġġib magħha t-teknoloġija tal-internet.
“Għalhekk, l-għan prinċipali ta’ dan il-proġett li qegħdin inniedu llum, l-Ebiz, huwa li ngħallmu lis-sidien tan-negozji jużaw l-għodda diġitali u l-internet biex ikomplu jkabbru n-negozju tagħhom fil-waqt li jkomplu jżiedu l-opportunitajiet tagħhom biex jiksbu aċċess għas-swieq internazzjonali” saħaq il-Ministru Cardona.
Il-Ministru Cardona rringrazzja lill-Business First fi ħdan il-Malta Enterprise, il-GO, il-BOV, Smart City, TCTC u anke kumpaniji u entitajiet oħrajn li b’xi mod jew ieħor ser ikunu qegħdin jassistu fil-proġett EBIZ.
Other Press Releases:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045