INAWGURAT L-ISTADIUM TAL-FUTBOL TA’ KERĊEM
Tkompli l-ħidma tal-Gvern sabiex isseħħ wegħda elettorali oħra hekk kif ġie inawgurat stadium tal-futbol f’Kerċem Għawdex. Filfatt waħda mill-proposti elettorali tal-Gvern kienet li tingħata attenzjoni mistħoqqa lill-isport fil-gżira Għawdxija u dan huwa biss wieħed mill-bosta faċilitajiet li saru u qed isiru grazzi għall-program ta’ fondi b’valur ta’ aktar minn miljun ewro li l-Gvern qed jinvesti fl-isport f’Għawdex. L-istadium kien inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius u l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li x-xogħol għall-klabb jibda hekk kif jitlestew il-faċilitajiet. Dan għaliex il-klabb irid jiżgura li jieħu ħsieb l-art u l-faċilitajiet infushom sabiex iservu għall-massimu tagħhom. Huwa spjega li l-Gvern flimkien mal-MFA u l-GFA investew fil-Kerċmin pero’ issa jridu jkunu huma li jaħdmu sabiex jaħdmu ħalli jgawdu l-frott. Huwa faħħar lit-tim ta’ Kerċem Ajax li diġa jidher li qed jinvesti fil-ġenerazzjoni żgħażugħa fejn anke t-tim tal-kbar hu magħmul minn plejers li telgħu mill-istess nursery. Dan, kompla jgħid Agius, jawgura tajjeb għall-futur tal-klabb ta’ Kerċem Ajax. Is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza li l-klabbs jitmexxew bi stil t’intrapriża żgħira sabiex il-flus li jkunu ġenerati jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li faċilita’ bħal din iġġib magħha.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo semma kif f’dawn l-aħħar xhur sar xogħol kbir li se jkun qed jagħti dimensjoni kompletament ġdida lill-isport f’Għawdex. Dan huwa ħolqa oħra minn katina ta’ xogħlijiet sabiex jissaħħaħ s-settur tal-Youths. Dr Anton Refalo sostna l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex f’din is-sena li ġejja jkompli l-ħidma tiegħu kontra l-obeżità qalb it-tfal Għawdxin. Anton Refalo appella biex isir użu bil-għalaq minn dan il-pitch mingħajr ma ssir ħsara.
Ser ikun qed isir xogħol ukoll fuq il-grawnds ta’ Għajnsielem, il-Qala u l-Għarb sabiex b’hekk kull raħal u tim fil-gżira Għawdxija jkollu post adegwat għat-taħriġ tiegħu. Dan l-investiment qed isir bil-għan biex iħajjar aktar lit-tfal Għawdxin biex jipprattikaw l-isport.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja, s-Segretarju Parlamentari għad-Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva Justyne Caruana, l-President tal-Malta Football Association Norman Darmanin Demajo u l-President tal-Gozo Football Association Alvin Grech.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045