IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI RODERICK GALDES JIFTAĦ PARK ĠDID TAL-KLIEB U AMBULANZI ĠODDA TAL-ANNIMALI
pr142261
04/10/2014
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes inawgura Park tal-Klieb ġdid f’Ta’ Qali, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Annimali.
Dan il-proġett ifisser wegħda oħra mwettqa mill-programm elettorali tal-Gvern favur id-drittijiet tal-annimali sabiex ikun hawn postijiet ta’ rikreazzjoni u eżerċizzju għall-klieb.
Waqt il-ftuħ ta’ dan il-park, Roderick Galdes qal li dan il-proġett jikkumplimenta miżuri oħra fosthom dik tat-tnedija ta’ żoni tal-għawm għall-klieb u t-tkabbir tal-park tal-klieb ezistenti f’Ta’ Qali fl-aħħar xhur.
Hu rrimarka li qabel ma’ l-art inbidlet f’Park tal-Klieb, l-art kienet żgumbrata, mimlija munzelli ta’ terrapien u mbarazz ieħor. B’dan il-proġett, is-Segretarjat Parlamentari favur id-drittijiet tal-Annimali kien qed jagħti lura lill-pubbliku kważi żewġ tomniet art li issa qed igawduhom il-klieb mingħajr ebda bżonn ta’ ċinga.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes żied jgħid li dan l-ispazju jista’ jservi wkoll ta’ spazju fejn is-sidien jistgħu jistimulaw mentalment il-klieb tagħhom biex jinżammu attivi, kif ukoll jistgħu jagħtu taħriġ lill-klieb biex jitgħallmu jobdu l-ordnijiet tas-sid u jkunu iktar kontrollati f’ambjent domestiku.
Il-park ġie maqsum f'żewġ partijiet biex jissepara l-klieb kbar minn oħrajn iżgħar, u jinkludi bosta ‘għamara’ li kelb jista’ jilgħab biha. Ix-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Parks tal-MSDEC, bl-ispiża tal-materjal tlaħħaq l-20 elf ewro.
Waqt dan il-ftuħ, is-Segretarju Parlamentari inawgura wkoll żewġ ambulanzi ġodda tal-annimali li nxtraw mill-Gvern. Dawn huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija u arja kkundizzjonata. L-ambulanzi se jkomplu jgħinu l-ħidma tal-uffiċjali tal-Animal Welfare.
Roderick Galdes irrimarka li dawn l-ambulanzi jaħdmu 24 siegħa kuljum u jsalvaw medja ta’ 2,500 annimal fis-sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045