STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
113 pulizija ġodda se jkunu assenjati fid-distretti, b’attenzjoni partikolari lejn il-lokalitajiet ta’ Paceville, San Ġiljan, Ta’ Sliema, Gżira, Msida, San Ġwann u Swieqi.
Waqt il-Passing Out Parade ta’ 113–il pulizija ġdid, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia qal li fis-sena u nofs li ilu Ministru attenda għal diversi Passing Out Parades ta’ membri fil-Korpi Dixxiplinati. Dan juri kemm l-investiment fir-riżorsi umani fil-Korpi Dixxiplinati kien wieħed kontinwu. Dan l-investiment hu neċessarju għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-pajjiż.
Il-pulizija l-ġodda attendew għall-kors ta’ taħriġ intensiv ta’ sitt xhur fl-Akkademja tal-Pulizija, li żanżnu huma għall-ewwel darba. Il-Ministru qal li bħalissa qed isir xogħol u studju biex isiru bidliet neċessarji biex l-Akkademja issir Kulleġġ tal-Pulizija b’għalliema full-timers u b’korsijiet bi kwalifiċi li jkunu ekwivalenti għall-istituzzjonijiet edukattivi oħra f’pajjiżna.
Il-Ministru Manuel Mallia ħabbar li t-taħriġ li jsir kontinwament matul il-karriera tal-pulizija reġa’ qed isir wara li ġie sospiż biex jiġi aġġornat.
Il-Ministru tenna wkoll li permezz tal-laqgħat, dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet, mar-residenti ta’ lokalitajiet differenti, fehem l-inkwiet leġittimu tan-nies. Saħaq dwar l-importanza tal-communitypolice, fejn il-pulizija ikun fit-triq b’kuntatt dirett man-nies u b’hekk tinbena relazzjoni ta’ fiduċja.
Minħabba f’hekk ittieħdet id-deċiżjoni li l-pulizija l-ġodda kollha jkunu assenjati f’distretti, b’attenzjoni u enfażi partikolari fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Gżira, Msida, San Ġiljan, Paceville, San Ġwann u Swieqi, fejn se jiżdiedu 26 pulizija ġdid.
Other Press Releases:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045