STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U L-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Żewġ dokumenti ġew varati waqt konferenza stampa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.
Id-dokumenti, Respect for All Framework u ieħor li jitratta l-attendenza fl-iskejjel għandom l-għan li jtejbu l-aspett uman tal-edukazzjoni u joffri esperjenza iżjed wiesgħa fl-iskejjel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qal li dawn id-dokumenti jsaħħu l-kwalità tal-esperjenza edukattiva u jidentifikaw mezzi biex titjieb l-attendenza. Il-Ministru saħaq li huwa importanti li tiġi spjegata l-importanza u l-valur soċjali tal-edukazzjoni. Kull skola se tkun qed tfassal pjan strateġiku ffukat biex itejjeb il-livell ta’ attendenza u fiha se jiġu kkunsidrati l-kuntest kulturali u soċjali tal-iskola.
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia qal illi l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess u għalhekk qed issir din il-ħidma biex jitnaqqas in-numru tal-persuni li jgħixu permezz tal-benefiċċji soċjali. Huwa qal ili din il-policy dwar l-assenteiżmu mressqa mill-Ministru Evarist Bartolo miexja lejn it-triq it-tajba għaliex huwa kruċjali illi bħala Gvern naraw li kull student ikollu edukazzjoni kompluta matul ħajtu, u li kull student ikollu ir-riżultati meħtieġa.
Il-Ministru Farrugia saħaq illi huwa tajjeb li jkunu identifikati mudelli ta’ kif se naraw li l-attendenza fl-iskejjel tmur għall-aħjar, b’hekk tkun promossa aktar ir-relevanza tal-edukazzjoni.
Matul l-istess konferenza il-Ministru Michael Farrugia tenna illi ċ-Child Supplement se jkun qed jitħallas kif kien oriġinarjament ippjanat, jiġifieri bir-rata ta’ €400 fis-sena kull wild għall-ewwel tlett ulied eliġibbli f’kull familja, u €200 kull wild mir-raba wild eliġibbli ’il quddiem.
Il-Ministru Farrugia qal li ċ-Child Supplement huwa benefiċċju mmirat biex jgħin lil-familji bid-dħul baxx u se jkun qed jitħallas lil dawk il-ġenituri li d-dħul tagħhom, anki minn impjieg, huwa inqas minn 11,922 ewro fis-sena.
Huwa qal li d-dritt għal dan il-benefiċċju beda minn Settembru 2014 bl-ewwel ħlas tal-benefiċċju se jsir f’Awissu 2015 u se jkun qed ikopri il-perjodu minn Settembru 2014 sa Awwissu 2015.
B’kollox minn dan il-benefiċċju se jibbenefikaw madwar 13,000 familja u 23,000 tifel u tifla.
Id-dokumenti li ġew varati f’din il-konferenza stampa jistgħu jitniżżlu mis-sit: www.education.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044