IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS IŻUR BOUTIQUE HOTEL FIL-BELT VALLETTA
F’Awwissu lħaqna l-akbar ammont ta’ turisti li żaru Malta ta’ kull żmien għalhekk issa l-mument li nħarsu lejn niċeċ oħra, bħal akkomodazzjoni ‘boutique’ li tattira turisti ta’ aktar kwalità
Il-Ministru għat-Turiżmu jilqa’ b’sodisfazzjon ċ-ċifri pożittivi ferm imħabbra dalgħodu mill-Uffiċċju tal-Istatistika rigward l-ammont ta’ turisti li żaru Malta fix-xahar t’Awwissu 2014. ‘Awwissu irreġistra numru rekord ta’ 237,809 turist, li tfisser żieda ta’ kważi 9% meta mqabbel ma l-istess xahar tas-sena l-oħra. Dan ifisser li Awissu li għadda rreġistra l-akbar ammont ta’ turisti li qatt żaru pajjiżna f’xahar partikolari fl-istorja turistika ta’ pajjiżna, anki minn qabel ir-reċessjoni kif ukoll mill- 2003 l’hawn’, sostna il-Ministru ghat-Turizmu waqt żjara f’Boutique Hotel il-Belt Valletta.
Inkoraġġanti kienu ċ-ċifri ta’ żieda qawwija ta’ turisti mis-suq Ewropew b’mod partikolari mill-Italja, l-Ingilterra u l-Ġermanja rispettivament. Is-suq Ewropew kiber b’10% fuq Awissu tal-2013.
Il-Ministru Dr. Edward Zammit Lewis bi pjaċir jinnota ukoll li pajjiżna rreġistra riżultati sbieħ fl-iljieli mqatta u fl-infieq mit-turisti li żaruna f’Awwissu li għadda, fejn meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, pajjiżna rreġistra żieda ta’ 4% u ta’ kważi 5% fl-iljieli mqatta u fl-infieq rispettivament.
It-turisti li żaru Malta fuq skop ta’ vaganza wkoll kiber b’aktar minn 7%. Dan ifisser li Malta qed tkabbar il-potenzjal tagħha biex tkompli ssir attrazzjoni turistika prinċipali fil-Mediterran.
Il-Ministru b’sodisfazzjon jilqa wkoll it-tkabbir qawwi fl-ammont ta’ passiġġieri fuq il-cruiseliners li żaru Malta. F’Awwissu li għadda Malta rreġistrat żieda ta’ 7 darbiet aktar f’turisti li żaru pajjiżna b’permezz tal-cruiseliners meta mqabbel ma’ l-istess xahar tal-2013. L-akbar żidiet irriżultaw f’turisti ta’ etajiet żgħar u medji. Dan ifisser li aktar turisti qed iqisu lil pajjiżna bħala destinazzjoni idejali għall-familji u jikkunsidrawh li jkun parti mill-vaganza tagħhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis, jgħid li l-Gvern iqis it-Turiżmu bħala l-mutur tal-ekonomija Maltija. Dawn ir-riżultati pożittivi jaffermaw il-ħidma u l-impenn tal-Gvern li qed jagħtu l-frott mwiegħed xahar wara xahar. Dan qed jissarraf f’aktar investiment, dħul, impjiegi ta’ kwalita u tkabbir fil-ġid nazzjonali.
Waqt iż-żjara tieghu f’Casa Ellul, il-Ministru ghat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis kompla jgħid li b’dawn ir-riżultati pożittivi, Malta għal dawn l-aħħar snin qed tesperjenza tkabbir ukoll fis-settur tal-lukandi boutique fi ħdan l-industrija tal-ospitalita’ u li dan l-istess tkabbir huwa fenomenu globali. Din in-niċċa partikolari qed tattira interess kbir f’pajjizna, li b’kunċett ta’ wirt kulturali, bla dubju huwa wieħed mill-aktar popolari u ta’ suċċess.
Il-vjaġġaturi llum il-ġurnata rridu jesperjenzaw il-kultura u t-tradiżżjonijiet uniċi tal-pajjiż. Dan iwassal li l-viżitaturi qed jiġu attirati ghal-propjetajiet iżghar fuq l-istess stil tal-boutique hotels.
Dan l-aħħar, rajna żieda fl-interess minn investituri li jfittxu li jixtru proprjetà fil-Belt Valletta u lokalitajiet oħra biex jikkonvertuha f'akkomodazzjoni turistika jew aħjar f’boutique hotels. Bhalissa hemm madwar dsatax-il akkomodazzjoni fil-Belt Valletta li jistgħu jikkwalifikaw bħala akkomodazzjoni f’lukandi ‘boutique’. L-Awtorita’ Maltija ghat-Turiżmu qed tgħin lis-settur privat biex zewg Palażżini jigu trasformati f’ akkomodażżjoni Boutique skont skema li ħarġet l-Awtorita’ stess.
Din hija xejra b’konformità mal-Politika tat-Turiżmu tal-Gvern, li tattira lejn il-gżejjer tagħna niċeċ ta’ turisti differenti, li ma jfittxux biss lil Malta għall-baħar u t-temp sabiħ biss iżda wkoll ghall-kultura Mediterranja tagħha. Il-Ministru ghat-Turiżmu kompla jgħid li Malta għandha lok li żżid it-turisti fis-shoulder months. Id-dħul finanżjajru minn dan is-settur huwa kruċjali u r-ristruturar ta’ dawn il-propjetajiet fil-Belt Valletta ikomplu jtejbu il-kwalita’ tal-prodott turistiku tagħna.
Il-fatt li l-Belt Valletta sa tkun l-kapitali Ewropeja tal-kultura fl-2018, huwa ta’ inċentiv sabiex nkomplu nagħtu l-ħajja lil-belt kapitali ta’ Malta li għandha wirt storiku kbir. Ir-Ristruttur u t-tisbieħ ta’ propjeta fil-belt f’boutique hotels huma parti minn katina sħiħa ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni.
Ta’ min jinnota li ż-żieda fl-infieq u l-investiment li qed isir mil-Gvern fil-belt kapitali u inniżjattivi bhal V18 qed iwasslu biex din il-lokalita’ tkun iktar attraenti u mfittxija mhux biss mil-Maltin iżda wkoll mit-turisti li jżuru lil xtutna.
Dan l-iżvilupp ċertament li ser jgħin biex ikollna firxa ġeografika aħjar tat-turiżmu tagħna li minnu jibbenefika ekonomikament kulħadd. Apart minn hekk, dan ser iwassal biex il-belt Valletta issir bħal bliet importanti oħra ewropej destinazzjoni għal ‘city breaks’ li tattira turiżmu ta’ kwalità u tkun belt b’ potenzjal kulturali kbir.
Il-Ministru għat-Turizmu għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha b’ mod partikolari lis-settur privat li bis-saħħa tiegħu nkiseb dan is-suċċess ta’ kull żmien.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044