Left arrow Mur Lura

IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA TATTENDI ATTIVITÀ MARBUTA MAL-ALZHEIMERS

pr142222
Date Icon 01/10/2014

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana, illum indirizzat konferenza fir-Residenza Casa Arkati fil-Mosta organizzata mill-Istitut għall-anzjani tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Dr. Caruana qalet li bħal pajjizi l-oħra żviluppati u dawk li qegħdin jiżviluppaw, Malta għandha żieda fil-popolazzjoni tal-persuni anzjani.  Sas-sena 2050, in-numru ta’ individwi ’l fuq minn 65 sena ser ikun iżjed mid-doppju, jilħaq madwar 28 fil-mija tal-popolazzjoni totali. Żiedet tgħid li dan ser iġib konsegwenzi soċjali u ekonomiċi jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti peress li iżjed individwi ser ikunu qegħdin jserrħu fuq is-servizzi tas-saħħa u soċjali.

Caruana qalet li peress li l-età hija l-iktar fattur ta’ riskju fid-dimensja, in-numru ta’ individwi b’din il-kundizzjoni huwa mistenni li jikber fiż-żmien li  ġej u mistenni li jilħaq madwar 13,000 sal-2050. Dan ma jinkludix dawk li ser ikunu affettwati indirettament.

Hija ħabbret li minħabba il-fatt li id-dimensja saret sfida sinjifikanti, il-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qiegħed jipprepara Strateġija Nazzjonali bil-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni bid-dimensja, ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom u saħansitra  anke qrabathom. Dan id-dokument kien ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta’ Ġunju 2014, u issa qiegħed fl-aħħar stadji tiegħu qabel jiġi iffinallizzat u ippubblikat. Din l-istrateġija mistennija li tkun imnedija uffiċjalment fil-bidu tal-2015 u tkopri perjodu ta’ 9 snin.

Is-Segretarju Paralamentari qalet li għalkemm l-istrateġija għadha ma ġietx ippubblikata, diġà qed jittieħdu diversi inizjattivi fosthom taħriġ għall-ħaddiema li joperaw fil-qasam, sessjonijiet ta’ informazzjoni lis-sindki tal-Kunsilli Lokali, pubblikazzjonijiet ta’ fuljetti ta’ informazzjoni bl-għan li jippromwovu l-għarfien fost il-pubbliku inġenerali kif ukoll lil min jieħu ħsieb persuni li jbatu mid-dimensja. Ħabbret li ser jitwaqqaf Dimentia Intervention Team biex jassisti u jsostni l-bżonnijiet tal-persuni li jbatu mid-dimensja u dawk li jieħdu ħsiebhom fuq livell ta’ komunità. Is-Segretarju Parlamentari ħabbret ukoll li bdiet ħidma fuq l-ewwel Ċentru għad-dimensja li ser ikun parti min pjan ħolistiku biex jimplimenta din l-istrateġija.

Is-Segretarju Parlamentari semmiet ukoll l-emendi li saru fil-kodiċi kriminali riċentament sabiex jiġu  protetti persuni vulnerabbli u anzjani, u leġiżlazzjoni oħra li qiegħda tiġi mfassla propju biex tipproteġi iżjed dawn il-persuni.

Fuq Standards ta’ kura u taħriġ lill-ħaddiema, is-Segretarju Parlamentari qalet li dawn huma importanti u għalhekk għada kif ingħalqet il-fażi ta’ konsultazzjoni tal-iStandards Minimi Nazzjonali għar-Residenzi tal-Anzjani u bħalissa qed jiġu analizzati il-kummenti li ġew riċevuti.

Dr. Justyne Caruana tenniet tgħid li is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva bħalissa qiegħed fil-fazi li jikkonkludi il-ftehim mal-Malta Dementia Society biex ikollna kampanja ħolistika fuq bazi Nazzjonali biex flimkien mal-Ambaxxaturi tad-dimensja nikkombattu l-istigma u nippromovu l-bżonnijiet tal-persuni bid-dimensja. Dawn il-persuni ta’ min jieħu ħsiebhom u fuq kollox nuru li minkejja d-dimensja, dawn il-persuni għandhom valur fis-soċjetà u għalhekk għandhom jiġu murija rispett u mogħtija d-dinjità sħiħa li tixirqilhom.

Il-ġimgħa l-oħra ġiet ukoll organizzata sessjoni ta’ informazzjoni f’Għawdex, u wara saret il-Memory Walk Annwali li saret l-ewwel darba f'Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

Aktar Stqarrijiet Right arrow