113-IL KADETT TAL-PULIZIJA JAGĦMLU ŻJARA TA’ KORTESIJA LILL-ISPEAKER
Aktar kmieni matul il-jum, 113 il-kadett tal-pulizija akkumpanjati mill-Kummissjarju tal-Pulizija s-Sur Ray Zammit u l-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija s-Sur Joe Cachia, għamlu żjara fil-Parlament fejn kienu milqugħa mill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia.
Waqt l-indirizz tiegħu, l-iSpeaker Anġlu Farrugia rrefera għall-pilastri tad-demokrazija, l-Eżekuttiv, il-Ġudizjarju u l-Parlament, u f’dan l-isfond spjega l-proċess leġiżlattiv, ix-xogħol li jsir fil-Parlament u l-Kumitati Parlamentari, u r-rwol tal-Membru Parlamentari li jiskrutinizza l-operat tal-Gvern għall-ġid komuni u għat-tisħiħ tad-demokrazija.
Anġlu Farrugia rrefera għall-istituzzjoni tal-Awditur Ġenerali u dik tal-Ombudsman u spjega kif l-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman huma maħtura mill-Parlament kif provdut fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Matul il-laqgħa, l-iSpeaker tkellem ukoll dwar żvilupp parlamentari importanti, ċioè, l-Abbozz ta’ Liġi dwar standards fil-ħajja pubblika li jipprovdi għall-ħatra ta’ Kummissarju u Kumitat Permanenti bis-setgħa li jinvestigaw ksur ta’ dmirijiet statutorji jew etiċi ta’ persuni fil-ħajja pubblika, inkluż il-Membri Parlamentari.
Waqt li kien qed jitkellem dwar il-migrazzjoni tal-Parlament mill-Palazz tal-President għall-binja l-ġdida, l-iSpeaker qal li meta l-Parlament jibda jiltaqa’ fil-binja l-ġdida, is-seduti parlamentari se jkunu web-streamed. Kompla jgħid li l-għan hu li ’l quddiem il-Parlament Malti jkollu wkoll l-istazzjon tat-televiżjoni tiegħu kemm biex il-Parlament jersaq aktar lejn iċ-ċittadin u anke biex iċ-ċittadin ikun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej fil-Parlament u dak li jkun qed jintqal mill-Membri eletti biex jirrappreżentaw l-istess ċittadini.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Anġlu Farrugia, li hu stess kien iservi fil-Korp, aċċenna għall-opportunitajiet li l-pulizija għandhom fil-Korp u awgura liż-żgħażagħ li kienu se jibdew il-karriera tagħhom fil-Korp tal-Pulizija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044