PROĠETTI ESTENSIVI MID-DIPARTIMENT TAX-XOGĦLIJIET FUQ ZNIETER TA’ KNEJJES
Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, Joe Mizzi ħabbar li filwaqt li fix-xhur li għaddew, tlesta xogħol fuq iz-zuntier tal-knejjes parrokjali tal-Ħamrun u tal-Kalkara, bħalissa għaddej xogħol estensiv tal-istess tip fuq il-knisja tal-Madonna ta’ Fatima, f’Tal-Pietà, waqt li fil-ġimgħat li ġejjin, se jibda wkoll simili fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Gudja, l-Imġarr, San Girgor f’Tas-Sliema u l-Isla.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-knisja tal-Madonna ta’ Fatima, il-Ministru Joe Mizzi qal li hekk kif saret talba mill-Kunsill Lokali, saret spezzjoni fuq is-sit u bdew jitfasslu l-pjanti għal proġett ta’ tisbieħ. Wara li ngħata t-tender u l-permess ġie approvat, beda xogħol ta’ pavimentar fuq iz-zuntier tal-knisja minħabba l-ħtieġa immedjata li kien hemm. Dan ix-xogħol jikkonsisti fit-tqegħid ta’ pavimentar tal-granit fiz-zuntier ta’ quddiem u l-ġenb tal-knisja u t-taraġ prinċipali u huwa stmat li b’kollox, jiswa madwar €30,000.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Tal-Pietà, Keith Tanti, qal li dan il-proġett kellu jibda taħt amministrazzjoni preċedenti, iżda għal xi raġuni, baqa’ ma sarx, filwaqt li faħħar l-impenn tal-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, li permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, qed jagħmel dan il-proġett b’fondi lokali.
Il-Ministru semma proġetti oħrajn tal-istess xorta li mistennija jibdew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, kollha b’fondi lokali.
Fil-Gudja, ix-xogħol taz-zuntier se jibda billi l-kuntrattur jibda jaħdem il-lavur fil-fabbrika u x-xogħol fuq is-sit jibda f’Novembru peress li kien hemm talba biex ix-xogħol jiġi pospost minħabba l-festa taċ-Ċintura. Ix-xogħol jinkludi r-restawr tal-ħajt tal-parapett taz-zuntier, il-bdil ta’ pilastri tal-konkos u sottobank b’pilastri ġodda tal-franka u sottobank tal-qawwi, kif ukoll xogħol ta’ restawr taċ-ċangatura tal-franka taz-zuntier.
Ix-xogħol fl-Imġarr jista’ jitqies bħala l-aħħar fażi ta’ xoghol ta’ restawr u tisbieħ li sar f’dawn l-aħħar snin fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali tal-Imġarr. Diġà tlestew ix-xogħlijiet in konnessjoni mal-pavimentar u l-bdil tal-balustrada taz-zuntier. Issa se jsir il-bdil tat-taraġ prinċipali estern ta’ dan iz-zuntier li se jsir b’ġebel tal-qawwi.
Ix-xogħol fuq il-knisja ta’ San Girgor f’Tas-Sliema qed jistenna l-permess tal-MEPA, waqt li l-ewwel tender qed tistenna l-aġġudikazzjoni. Ix-xogħol jinkludi wkoll rikostruzzjoni bil-franka u l-qawwi tal-ħajt ta’ parapett fil-periferija taz-zuntier tal-Knisja parrokjali ta’ San Girgor u l-pavimentar taz-zuntier. Anke fil-każ taz-zuntier tal-knisja tal-Isla, kull ma jonqos huwa l-ħruġ tal-permess mill-MEPA biex jinbdew ix-xogħlijiet.
Il-Ministru ħabbar ukoll li aktar kmieni dan ix-xahar, beda x-xogħol fuq il-knisja ta’ Santa Liberata fil-Kalkara, fejn ix-xogħol se jinkludi pavimentar u xogħol ta’ asfalt.
Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għad-dedikazzjoni li qegħdin juru l-ħaddiema tal-Gvern, filwaqt li appella għal tnaqqis f’ċertu burokrazija żejda. Huwa tkellem dwar l-importanza ta’ ippjanar serju qabel jibda kwalunkwe proġett biex ix-xogħol isir tajjeb mill-ewwel u mhux bħal ma seħħ f’każi preċedenti, fejn ix-xogħol isir l-ewwel bil-għaġġla mbagħad ikollu jinqala’; minħabba problemi, bi spejjeż żejda u inkonvenjenzi għal min ikun se jgawdi mill-proġett.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044