Left arrow Go Back

L-ETC TNIEGĦED IS-SHELTERED EMPLOYMENT TRAINING CENTRE BIEX JIĠU MGĦEJJUNA 150 PERSUNA B’DIŻABBILTA’ INTELLETWALI

pr142201
Date Icon 29/09/2014

Dalgħodu ġewwa l-Imtarfa, tnieda l-proġett tal ETC ‘Sheltered Employment Training Centre’, li huwa intenzjonat biex jgħin 150 persuna b’diżabbilta` intelletwali jakkwistaw u jiżviluppaw ħiliet li jtejjbu l-prospetti tagħhom biex jidħlu f’xi tip ta’ xogħol bi qliegħ.  Fil-futur, wara li jispiċċa l-proġett ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern se jniedi ‘Public-Social-Partnership’ biex dawn l-opportunitajiet li jinħolqu mhux biss ma jintilfux, iżda jitkattru.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qal li ix-xogħol għal persuni b’diżabilita’ mhux xi tip ta’ karita’ iżda huwa kunċett ta’ drittijiet. Huwa irringrazzja lil dawk in-negozji li jħaddmu persuni b’diżabilita u żied li huwa mportanti li l-persentaġġ ta’ persuni b’diżabilita’ fid-dinja tax-xogħol ikompli jikber. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr. Ian Borg qal li dan il-proġett qed isir wara ħidma intensiva li saret mill-amministrazzjoni preżenti sabiex żewġ proġetti b’finanzjament ta’ €1.7 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew ikunu jistgħu jibdew. Dr. Borg qal ukoll li fil-programm finanzjarju 2014-2020 mill-Fond Soċjali Ewropew li jammonta għal €140 miljun ser ikunu allokati 25% għall-inklużjoni soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-Gvern bil-fatti qed jiftaħ il-bibien tal-opportunitajiet lil persuni b'diżabilita' permezz ta’ Sheltered Employment . L-Onorevoli Justyne Caruana qalet li l-għan ewlieni tas-Segretarjat huwa l-promozzjoni tal- abbilitajiet u l-potenzjal tal-persuni b'diżabbilità sabiex eventwalment isibu posthom fis-soċjetà
partikolarment fid-dinja tax-xogħol u għalhekk irringrazzjat lill-istakeholders kollha li qed isostnu dan il proġett.
Kważi dejjem, id-diżabbilta` ta’ dawn l-individwi tippreveniehom milli jikkompetu għal impjieg fis-suq tax-xogħol.  Dawn il-persuni għalhekk jispiċċaw dipendenti fuq is-sistema soċjali tal-pajjiż tul ħajjithom kollha.
Il-kunċett ta’ ‘sheltered employment’ jgħin lill-persuni b’diżabbilta` intelletwali biex jimmassimizzaw l-abbiltajiet tagħhom permezz ta’ esperjenza prattika ta’ xogħol bl-assistenza ta’ ‘Job Coaches’.  L-ETC diġa` qed timpjega għadd ta’ ‘Job Coaches’ u bħalissa għaddejja bil-proċess biex iżżid in-numru tagħhom.  Il-‘Job Coaches’ jgħinu lill-individwi jadattaw f’ambjent ta’ xogħol, jgħarfu r-responsabbiltajiet li jġib miegħu impjieg, u jadattaw ruħhom skont l-irwoli li jkollhom fuq ix-xogħol.  L-għajnuna tal-‘Job Coaches’ tingħata fuq bażi individwali skont il-livell ta’ diżabbilta`, l-abbiltajiet u l-ħtiġijiet tal-persuna.

Hu stmat li fl-Ewropa hawn bejn żewġ u tlett miljun persuna li jingħataw taħriġ għad-dinja tax-xogħol taħt il-kappa ta’ ‘sheltered employment’.  Dan hu biss madwar 4% tal-persuni b’diżabbilta`.  F’Malta suppost għandna xi 1,200 li jistgħu jgawdu minn taħriġ bħal dan.

L-esperjenza tax-xogħol hija possibbli permezz tas-sehem ta’ għadd ta’ kumpaniji lokali f’dan il-proġett.  Wieħed u għoxrin kumpanija qed jagħtu l-opportunita` lill-persuni b’diżabbilta` biex ikollhom esperjenza prattika ta’ xogħol.  Din hi wkoll opportunita` għal min iħaddem biex jevalwa l-abbiltajiet tal-persuni b’diżabbilta` intelletwali u jagħraf li dawn ukoll jistgħu jikkontribwixxu fid-dinja tax-xogħol.  Kelliema tal-ETC qalu li l-Korporazzjoni hija sodisfatta bir-rispons inizjali minn naħa ta’ min iħaddem, iżda se tibqa’ taħdem bil-għan li jiżdied in-numru ta’ kumpaniji li jkunu lesti jgħinuha fuq dan il-proġett.

Il-Fondazzjoni Inspire hija msieħeb tal-ETC f’dan il-proġett.  Arianne Attard, li tkellmet f’isem l-Inspire, qalet li minkejja li l-pajjiż għandu leġiżlazzjoni apposta dwar l-opportunitajiet indaqs din ma kienetx biżżejjed biex persuni b’diżabbilta` joħorġu l-potenzjal tagħhom.  Hi qalet li l-Inspire qed tagħti s-sapport tekniku neċessarju kollu lill-ETC u lill-‘Job Coaches’ li qed jaħdmu mal-persuni b’diżabbilta`.  Filfatt il-‘Job Coaches’ jiġu mħarrġa mill-Inspire stess.  Dan qed iwassal biex ‘il-Job Coaches’ ikunu jistgħu jaħdmu mal-klijenti b’livell għoli ta’ professjonaliżmu u għarfien. 

Attard żiedet tgħid li huwa importanti li dan il-proġett ikompli jikber biex tkun tista’ tinbidel il-mentalita` tas-settur privat.  Hi qalet li l-għan aħħari huwa “li nżidu sostanzjalment in-numru totali ta’ persuni b’diżabbilita` b’mod inklussiv fl-impjiegi, kif ukoll inżidu l-kunfidenza ta’ kull klijent tagħna biex huma jgħixu iżjed b’mod indipendenti u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

More Press Releases Right arrow