IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS IŻUR ATTIVITAJIET IMĦEJJIJA MINN BIR MULA HERITAGE F’BORMLA MARBUTA MAL-JUM DINJI GĦAT-TURIŻMU
'Il-komunità tan-Nofsinhar ta' Malta għandha tibda tgawdi aktar mill-benefiċċji ekonomiċi li qed iħalli t-Turiżmu'
Fil-Jum Dinji għat-Turiżmu l-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis żar sensiela ta’ attivitajiet mħejjija minn Bir Mula Heritage f’Bormla bit-tema magħżula mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu tal-Ġnus Magħquda (UNWTO) għal din is-sena tkun ‘Turiżmu u l-iżvilupp fil-Komunità.
Il-Ministru għat-Turiżmu fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għat-Turiżmu qal li t-tema għal din is-sena tapplika ħafna għal Malta u Għawdex, mhux biss ghax it-turiżmu huwa settur ewlieni fl-ekonomija tagħna, imma għax ghandu impatt soċio-ekonomiku kbir fuq il-munità Maltija.
F’pajjiżna insibu interazzjoni sħiħa bejn it-turisti u l-membri tal-komunità, spjega l-Ministru għat-Turiżmu waqt iz-zjara tieghu f’Bormla fejn saħaq li kull wieħed u waħda minnha huwa konness ma’ dan is-settur tant importanti għal pajjiżna. Il-Ministru żied jgħid li dan huwa l-iskop li fil-bidu ta’ din is-sena l-Ministeru għat-Turiżmu ħatar Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi sabiex iħejji proġetti innovattivi li jiżviluppaw siti turistiċi, li kienu traskurati fl-aħħar snin, speċjalment zoni fin-Nofsinhar ta’ Malta. Il-Ministru ghat-Turiżmu tenna li filwaqt li permezz ta’ dan il-kumitat saru hafna xogholijiet, fil-jiem li ġejjien, l-istess kumitat ser jiżviluppa f’Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi biex tigi żviluppata entità legali b’saħħitha li tista’ twettaq aktar xogħol b’mod effettiv.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis irrefera għal progett MaltaGoesRural li ġie iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja. Huwa faħħar lil Awtorita’ Maltija ghat-Turiżmu li bil-ħidma sfieqa tagħha wettqet diversi progetti ta’ tisbieħ fejn jippromwovu l-wirt rurali ta’ Malta. Fl’ inħawi tal-Qrendi fi Pjazza Maqluba, Ġnien il-Ġibjun z-Zurrieq, Pjazza Providenza Chapel fis-Siġġiewi, fdalijiet arkeologiċi tal-Bakkari iż-Żurrieq u tisbieħ ukoll fi Pjazza Ħlantun Ħal Safi. Apparti dawn ġew mwaqqfa ‘walking trails’ ukoll, niċċa li tmur tajjeb ħafna mat-turisti b’mod speċjali fis-’shoulder months’. L-objettiv tagħna huwa li nattiraw aktar turiżmu rurali lejn Malta, skont ix-xejriet tad-domanda tas-suq tal-llum il-ġurnata, kompla jghid il-Ministru.
In-nofsinhar ta’ Malta ghandu karatteristiĊi distintivi minn dawk ta’ reġjuni Maltin oħra kompla l-Ministru ghat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis li fost dawn hemm l-istorja tal-Kavallieri, il-portijiet, numru ta’ siti storiċi uniċi fosthom is-sit tal-Ipoġew li huwa klassifikat bħala wirt dinji, villaġġi rurali u kostali, villaġġ tas-sajd u oħrajn. Dawn flimkien jistgħu joffru esperjenza unika u distinta minn reġjuni ohra. Fit-Turiżmu huwa wkoll opportunità biex membri fil-komunità jesponu dak li huwa Malti, dak li jiddistingwina minn pajjiżi oħra. Il-villaġġi ta’ Marsaxlokk u Marsaskala, fost l-inħawi tal-madwar għandhom potenzjal turistiku u jappellaw għal zvilupp ta’ akkomodazzjoni turistika bħal lukandi zgħar b’karatteristiċi tipiċi Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu tenna diversi inizjattivi li qed issir xogħol fejn jitratta n-Nofsinhar ta’ Malta. Huwa semma li qed jitħejja studju sabiex isir żvilupp ta’ bajjiet bir-ramel fin-nofsinhar ta’ Malta, li ser jagħti lok għal aktar xelta u distribuzzjoni għal min juża il-bajjiet. Dan imur in linea mal-progett tal-blue flag biex ukoll ikollna bajjiet Ċertifikati f’dan ir-reġjun tal-pajjiż.
Il-Ministru semma li qed isir titjib għall-aċċess ahjar mal-kosta, li jorbot mal-element tal-prodott turistiku li huwa importanti ħafna ghas-suċċess tat-Turiżmu u huwa servizz mill-aktar imfittex mill-vizitaturi taghna. Għaldaqstant, huwa importanti li ntejbu kemm l-aċċssibilita’ u l-kwalita’ tal-bajjiet, mhux biss dawk tar-ramel, izda wkoll il-kosta tal-blat f’dawn f istess inħawi.
Kollox jindika li t-Turiżmu ħa jibqa jikber matul is-snin li ġejjin. Illum it-Turiżmu sar parti intrinsiku mill-ħajja fil-komunità, Il-komunita’ se jkompli jkollha kontribut ewlieni għas-suċċess fit-Turiżmu lejn pajjiżna, iżda wkoll it-Turiżmu se jibqa wkoll jikkontribwixxi b’mod sħiħ għal l-iżvilupp fil-komunità. Flimkien nistgħu nkomplu nagħmlu minn dan is-settur suċċss dejjem akbar.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis temm billi rringrazzja lil organizzaturi tal-Bir mula Heritage li organizzaw sensiela ta’ attivitajiet f’Jum Dinji għat-Turiżmu. Huwa saħaq li se jibqa impenjat bi sħiħ biex l-attività turistika f’dan ir-reġjun tibqa’ titkattar u nħarsu lejn in-nofsinhar ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika rilevanti f’pajjiżna fejn jikkontribwixxi b’mod sħiħ għal l-izvilupp fil-komunità.
Waqt din l-attività l-Ministru għat-Turiżmu kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-MTA Dr Gavin Gulia, mis-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa kif ukoll mill-organizzattur John Vella.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044