Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA JITKELLMU DWAR L-ANZJANI FL-OLANDA

pr142180
Date Icon 27/09/2014

Fil-jumejn tal-25 u 26 ta’ Settembru, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana attendew Konferenza bl-isem, ‘Innovation in Ageing Services: Pathways to the Future’ f’Amsterdam l-klanda. Għal din il-konferenza organizzata mill-European Association of Homes and Services for the Ageing (EAHSA) li qed jattendu għaliha aktar minn 180 rappreżentant mill-Ewropa u bnadi oħra fosthom l-Amerika u l-Awstralja qed jiġi diskuss kif il-pajjiżi għandhom iħarsu 'l quddiem sabiex il-persuni anzjani jgħixu ħajja diċenti, jsibu l-kura meħtieġa u fl-istess waqt jinstabu metodi ġodda kif l-ispiża għal din il-kura ma tibqax dejjem togħla.

Waqt din il-konferenza l-Ministru Michael Farrugia ipparteċipa f’panel magħmul ukoll mill-Ministru tas-Servizzi Soċjali u l-Anzjani ta’ Ġibilta Samantha Sacramento, id-Direttur tal-Policy, The King’s Fund tal-Ingilterra Richard Humphries u l-Professur Dr Henk Nies miċ-Ċentru tal-Long-Term Care tal-Olanda.

Fl-intervent tiegħu l-Ministru Farrugia qal li fid-diskussjonijiet li saru ssemmiet id-dimensja u waqafna hemm. Huwa qal li billi l-kura għaliha qed tiżviluppa bil-mod wisq hemm bżonn li jsiru ħwejjeġ oħrajn, fosthom li naqbdu persuni milquta bid-dimensja mill-bidu. Il-Ministru Farrugia qal li fil-każ tal-anzjani rridu nevitawlhom milli jaqgħu fis-solitudni li taf iġġib jew iżżid id-dimensja ma' konsegwenzi oħrajn, u allura wara jkollna naffaċċjaw problemi aktar koroh u akuti fosthom, problemi psikoloġiċi u psikjatriċi. Huwa sostna li l-effett tad-dimensja mhux biss fuq il-pazjent innifsu iżda wkoll fuq il-familjari u dawk kollha li jgħixu madwaru.

Hawn, il-Ministru Farrugia semma esperjenza personali fil-ħabs ta’ Kordin fejn persuna li qiegħed hemm qallu li mhux qed iħalli l-ħin joqtlu imma għażel li joqtol il-ħin. Iżda persuna oħra żiedet tgħidlu li hu lanqas ma jrid joqtol il-ħin iżda jrid jieħu kulma jista' jikseb mill-ħin li qed iqatta’ hemm ġew.

Il-Ministru Farrugia sostna li f’Malta qed inħarsu lejn mhux biss dak li għandu jsir issa, iżda fuq kollox lejn għaxra u għoxrin sena oħra. U dan, mhux  biss f’dak li hu elementari, jiġifieri x-xogħol strutturali, iżda fuq riforma sħiħa fejn irridu naslu biex il-policies jersqu għal diskussjoni pubblika qabel jiġu attwati. B’hekk, il-Gvern ikun qed jisma’ mingħand l-anzjani u l-familjari tagħhom sabiex inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar servizz possibbli lil dawn il-persuni vulnerabbli, li spiss lanqas biss jitħajru jsemmgħu leħinhom.

F’din il-ħidma kontra d-dimensja, is-solitudni kif ukoll in-numru dejjem jikber ta’ anzjani għaliex in-nies qed tgħix aktar, il-Ministru qal li l-Gvern jara sfida li fiha jħajjar liż-żgħażagħ jersqu lejn l-anzjani biex it-tnejn jisimgħu u jitgħallmu minn xulxin. Qed inħarsu wkoll lejn l-anzjanità attiva b’ideat ġodda fejn qed nippromwovu attivitajiet ġodda fil-komunità, bħalma se jibda jsir aktar tard f’Ottubru meta se jitħabbar il-Proġett LEAP li bih se noħolqu sistema moderna ta’ outreach fil-komunità. Dan kollu qal il-Ministru Farrugia se jinbena filwaqt li nkomplu nibnu fuq dak li diġà qed inwettqu, l-attivitajiet fil-Care Centres li nixtiequ ntejbu fuqhom, l-Università tat-Tielet Età, u attivitajiet oħrajn li qed jinbdew f’diversi Kunsilli Lokali.

Fi tmiem id-diskors tiegħu l-Ministru Farrugia qal li konferenzi bħal dawn jiswew ferm għaliex kulħadd għandu x’jitgħallem minn dak li qed iwettaq ħaddieħor. Iżda fuq kollox, sostna l-Ministru Farrugia, aħna nħossu li huwa ferm meħtieġ li nħarsu fit-tul u nagħfsu fuq l-edukazzjoni u l-prevenzjoni, l-aktar biex inkunu solidari ma’ dawk il-persuni vulnerabbli, u hekk nevitaw is-solitudni li tkisser lil bosta anzjani u persuni oħrajn li jispiċċaw jgħixu waħidhom.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li llum il-ġurnata l-Anzjanità qiegħda tiddomina x-xenarji demografiċi tal-kontinenti kollha, filfatt fis-sena 2025, 20% tal-Ewropej se jkollhom iżjed minn 65 sena. Għalhekk, sostniet Justyne Caruana, għandna sfida biex nagħtu s-servizzi u kura neċessarja lill-popolazzjoni anzjana li qiegħda dejjem tikber bħala persentaġġ demografiku. Huwa kkalkulat li l-anzjani jużaw iżjed minn 30 fil-mija tal-investiment totali fis-servizzi tas-saħħa.

Justyne Caruana qalet li il-Gvern li ġie elett f’Marzu 2013 ħoloq Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva fi ħdan il-Ministeru għal-Familja u Solidarjetà Soċjali u waqt li elenkat diversi inizjattivi li qed jieħu l-Gvern fosthom l-istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva u x-xogħol li għaddej biex tigi implimentata, semmiet l-istrateġija Nazzjonali dwar id-dimensja u tal-Istandards Nazzjonali għal Residenzi għall-Anzjani li għaddew minn fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. Tkellmet fuq l-outreach programm li permess tiegħu ħaddiema professjonali jmorru fost, l-anzjani fil komunità biex jindirizzaw il-problemi u bżonnijiet skont il ħtiega. Semmiet ukoll l-emendi li ddaħħlu fil-kodiċi kriminali biex niġġieldu l-abbuż fuq l-anzjani u kif ukoll dwar il-liġi dwar il-Kummisarju ddedikat għall-Anzjani u l-Adult Protection Act. Fuq kollox sostniet kif f’pajjiżna nimxu fuq il-mudell soċjali ta’ kura għaliex bħala poplu għadna ngħozzu lill-anzjani tagħna u għalhekk impenjati li ntejbu s-servizzi biex jindirizzaw il-bżonnijiet individwali tal-persuna u għalhekk mhux biss inżidu l-kwantità tas-servizzi imma wkoll intejbu l-kwalità.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

Aktar Stqarrijiet Right arrow