Left arrow Mur Lura

DISKUSSJONI FIL-MEUSAC DWAR IL-PRESIDENZA MALTIJA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA FL-2017

pr142172
Date Icon 26/09/2014

Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej, Dott. Ian Borg, dalgħodu ħa sehem fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC fejn ippreżenta u ddiskuta l-aħħar żviluppi fil-preparazzjoni għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tal-2017. Il-Core Group tal-MEUSAC, li hu ppresedut mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli jiġbor fih rappreżentanti tal-Gvern, tal-partiti politiċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru Dalli fissret l-importanza ta’ din il-laqgħa sabiex il-membri jkunu aġġornati bil-ħidma li qed issir għall-presidenza tal-Unjoni Ewropea. Hija qalet li għalkemm din kienet it-tieni laqgħa ta’ din ix-xorta ma’ Dott. Borg, b’mod regolari jingħata aġġornament mid-Direttur Eżekuttiv u l-Kordinatur tal-Loġistika għall-Presidenza, li qed jattendu l-laqgħat tal-Core Group.

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg inkwadra l-preparamenti fil-bidliet istituzzjonali kurrenti fl-UE, bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida bil-programm ta’ ħidma għall-ħames snin li ġejjin tal-President elett, Jean-Claude Juncker.

Fuq livell politiku l-ħidma ta’ Malta qed titkompla maż-żewġ Stati Membri oħra, l-Olanda u s-Slovakkja, li flimkien ma’ Malta se jkunu qed jiffurmaw it-trio tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2016 u l-2017. Hu semma l-ewwel żewġ laqgħat fis-Slovakkja u fl-Olanda, u li t-tielet laqgħa se ssir f’Malta fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.

Dott. Borg qal li hija sfida kbira, fuq livell amministrattiv, sabiex jintgħażlu nies kompetenti sabiex jaħdmu fil-gruppi ta’ ħidma. Għal dan, qegħdin joħorġu s-sejħiet għat-taħriġ lill-persuni interessati f’kompetenzi differenti. F’dawn il-laqgħat, assistiti mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-UE fil-Ministeru għall-Affarjiet Ewropej, jiġu diskussi t-temi possibbli li jistgħu jkunu l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari semma ukoll kif hu maħsub li għall-bidu tas-sena d-dieħla jibdew id-diskussjonijiet mal-Olanda u s-Slovakkja dwar it-tfassil tal-programm ta’ 18-il xahar tat-Trio.

Dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza, qal li għadu kmieni wisq biex wieħed jibda jelenkahom, għalkemm diġà għaddejja ħidma mas-Segretarjat tal-UE fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej f’Malta u mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-UE fi Brussell biex jiġu identifikati dawk il-liġijiet u regolamenti li jistgħu jkunu qegħdin jolqtuna matul il-Presidenza. Dott. Borg qal li biex tinżamm relazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew, li hu koleġiżlatur mal-Kunsill, huwa diġà ltaqa’ kemm mas-Segretarju Ġenerali kif ukoll mal-President tal-Kumitati Parlamentari tal-Parlament Ewropew.

Wara d-diskors ta’ Dott. Borg, dawk preżenti wasslu l-fehmiet u l-mistoqsijiet tagħhom li kienu jinkludu l-interess li għandhom l-imsieħba soċjali għall-prijoritajiet li se jkunu magħżula, it-tfassil tal-baġit għall-Presidenza, il-qasam tal-enerġija u s-sehem tar-reġjun tal-Mediterran, il-lat kummerċjali tal-Presidenza, u s-sehem li għandu jkollu Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza l-importanza tal-għaqal fl-infiq tal-flus, filwaqt li jitwettqu l-obbligi li Malta tkun mistennija taqdi waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE li jkunu l-istess obbligi daqs ta’ pajjiżi ikbar minn Malta.

Dott. Borg temm l-intervent tiegħu billi qal li l-Gvern se jkompli jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni u jiddiskuti magħhom it-tħejjijiet li jkunu għaddejjin.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Affarjiet Ewropej, Dott. Marthese Portelli u dak għall-Presidenza, is-Sur Antoine Borg, ħadu sehem ukoll f’din il-laqgħa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

Aktar Stqarrijiet Right arrow