Left arrow Go Back

DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS FL-OKKAŻJONI TAL- FTUĦ TAS-SENA SKOLASTIKA TAL-ISTITUT TAL-ISTUDJI TURISTIĊI

pr142169
Date Icon 26/09/2014

'Permezz tal-proġett pilota ta' suġġett dwar l-ospitalità li se jiġi offrut bħala suġġett tal-livell ordinarju tal-Matsec se nqajmu kuxjenza fost l-istudenti dwar il-potenzjal ta' karriera fit-turiżmu'

L-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) jikkontribwixxi parti kbira fl-ekonomija ta’ Malta, billi jipprovdi taħriġ għall-istudenti għall-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Dawn l-aħħar snin, din l-iskola kibret bi kważi d-doppju fejn għandu x’jaqsam id-dħul tal-istudenti, li laħħqu l-ammont ta’ kważi 700 student fuq bażi full time u ’l fuq minn 500 student fuq bażi part-time. L-għan tal-istitut huwa li tipprovdi tagħlim vokazzjonali għall-istudenti biex dejjem intejbu l-ħaddiema li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu. Mill-gradwati ta’ dawn l-aħħar sentejn kien hemm total ta’ 98% li sabu xogħol fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità.

Il-fatt li l-istitut jagħmel parti mill-Ministeru ghat-Turiżmu, għen ħafna biex il-kommunikazzjoni bejn l-istitut, l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, kif ukoll  partijiet interessati tat-turiżmu u ospitalità titjieb. 

Dan l-arranġament jgħin lill-ITS biex tibqa’ kurrenti mal-industrija kif ukoll tagħti appoġġ lill-industrija bħala post professjonali fejn huma jistgħu jirreferu meta jiġu għar-riċerka jew taħriġ fuq dan is-settur. 

L-għalliema flimkien mal-Managment ħadmu bis-sħiħ sabiex isseħħ reviżjoni tal-korsijiet tad-Diploma u tal-Higher National Diploma. Dawn il-korsijiet kellhom bżonn reviżjoni, u għalhekk l-għalliema ħadmu biex din iseħħ għas-sena skolastika l-ġdida. Din ir-reviżjoni qiegħda toffri lill-istudenti l-opportunità ta’ speċjalizazzjoni fil-qasam li huma interessati fih, filwaqt li ttihom iċ-ċans li jiżviluppaw il-ħiliet u ttiehom għarfien aħjar tal-industrija tat-turiżmu. Dan kien possibbli bl-għajnuna u kollaborazzjoni kbira li tawna l-għalliema biex b’hekk inżommu dejjem il-korsijiet li noffru aġġornati u innovattivi.

Fl-ITS kampus f’Għawdex għall-ewwel darba din is-sena, ħa jingħata l-kors tad-Diploma f’culinary arts. Dan il-kampus li huwa attrezzat sew u mgħammar sew, se jkun qed jgħolli l-livell tal-edukazzjoni. Il-kampus qed jiġi wkoll utilizzat, għal events varji bħall-Awards night, fejn ħafna nies ġew mistiedna, apparti l-istudenti, ġenituri u għalliema, biex jaraw il-faċilitajiet sbieħ li hemm fil-Qala. Il-pjan għal dan il-kampus huwa li jiġi żvillupat aktar għal korsijiet speċjalizzati.

Bħala Istitut edukattiv, l-ITS flimkien mal-MCAST qeghdin jaħdmu wkoll biex jiġu żviluppati suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji tagħna. Dawn il-korsijiet, li bħalissa qegħdin jiġu offruti mill-BTEC, fejn qed jiġu addatati għas-suq Malti u l-ITS fejn qed jiġi organizzat il-kors relatat mal-ospitalità.  Din l-inizjattiva tagħti għarfien aħjar lill-istudenti dwar x’tista’ toffri l-industrija u tgħin lill-istudenti jagħżlu din il-karriera li tant hija bżonnjuża  f’pajjiżna. Minn din is-sena skolastika, dan il-proġett pilota qiegħed jiġi implimentat fi skejjel tas-sekondarja u ħa jiġi rikonoxxut bħala suġġett tal-livell Ordinarju tal-Matsec. Dan huwa pass kbir ħafna għal dawn is-suġġetti vokazzjonali u hija inizjattiva li aħna flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qegħdin naħdmu bi sħiħ biex tirnexxi. Hekk inqajmu kuxjenza fost l-istudenti f’livell sekondarju dwar il-potenzjal ta’ karriera fl-industrija tat-turiżmu.

L-ITS hija magħrufa għall-kuntatt li għandhom l-istudenti mal-post tax-xogħol u mal-industrija.  Ta’ min isemmi li din is-sena l-Intership Unit sabet xogħol fis-sajf għal total ta’ 450 student.  Il-lukandi u r-ristoranti joffru ħafna opportunitajiet għal dawn l-istudenti u fl-istess ħin dawn l-istudenti jistgħu jkunu ta’ għajnuna fi żmien fejn ix-xogħol jiżdied. Fid-Diploma u Higher National Diploma, l-istudenti għandhom ukoll l-opportunità li jahdmu barra minn xtutna. Nixtieq insemmi li għall-ewwel darba  is-sena li għaddiet, kellna talba ta’ ’l fuq minn 150 pożizzjoni ta’ postijiet tax-xogħol barra minn xtutna, meta l-ammont ta’ studenti biex isiefru kien ta’ 90 ruħ.  B’total, l-ITS tibgħat studenti tagħha f’14-il pajjiż differenti fosthom l-Ingilterra, Dubai, Seychelles, Brussel, Skozja fost ħafna oħrajn. Dawn il-placements huma parti mill-kors li l-istudenti jridu jattendu u jagħmel parti integrali mill-formazzjoni tagħhom. Dan huwa frott tal-ħidma tal-ITS li qegħda tiġi rikonoxxuta bħala skola li toffri taħriġ ta’ kwalità. Il-kors tal-Foundation in Tourism and Enterprise qiegħed jerġa’ jkun offrut għat-tieni sena konsekuttiva, wara li ġie mniedi s-sena l-oħra. Dan il-kors li qed issir f’kollaborazjoni mal-ETC u l-Malta Enterprise qiegħed juri suċċessi kbar, fil-fatt għandu retention rate ta’ 91% tal-istudenti li bdew il-kors. Din hija rata għolja meta mqabbla ma’ foundation courses oħra. Għaldaqstant din is-sena erġajna ftaħna dan il-kors biex nilqgħu aktar studenti.

Nawgura kull suċċess lill-istudenti għal ftuħ ta’ din is-sena skolastika u lill-għalliema li b’tant dedikazzjoni jkattru l-ħiliet u l-għarfien ta’ dawn iż-żgħażagħ sabiex nkomplu ntejbu l-kwalità tal-prodott turistiku tagħna.

Grazzi tal-attenzjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

More Press Releases Right arrow