Left arrow Mur Lura

PUNTI KRUĊJALI GĦALL-PAĊI FIL-LIBJA DISKUSSA WAQT LAQGĦA GĦOLJA FIN-NAZZJONIJIET UNITI

pr142156
Date Icon 25/09/2014

Żewġ punti kruċjali għall-paċi fil-Libja huma d-diżarmament inkundizzjonat u r-rieda ġenwina għal rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Waqt laqgħa għolja fi New York, mgħajta mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-Moon, bl-involviment tal-gvernijiet kollha fir-reġjun, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux aċċettabbli li l-milizji jkomplu jżommu bliet ostaġġi kontra r-rieda tal-maġġoranza assoluta tan-nies ċivili. Insista wkoll li l-liġijiet li jipprevjenu milli nies, li jistgħu jikkontribwixxu ħafna għall-paċi, jidħlu fil-ħajja pubblika ma jagħmlux sens jekk verament irridu stabbilità fil-Libja.

Il-Prim Ministru qal li “huwa propju f’dan il-kuntest li n-Nazzjonijiet Uniti għandha rwol importanti x’tilgħab biex il-Libja terġa’ tkun pajjiż sigur. In-Nazzjonijiet Uniti trid tkun lesta twieġeb għal kull talba ta’ intervent. U intervent ma jfissirx aktar attakki imma aktar għajnuna billi fazzjonijiet differenti jinġiebu madwar mejda u billi l-forzi armati leġittimi tal-pajjiż jingħataw l-appoġġ meħtieġ”.

Dr Muscat qal li s-sitwazzjoni kaotika fil-Libja qed tiġi mbuttata ’l quddiem minn interessi li jippruvaw juru li huma barra mix-xena, iżda li fl-istess ħin huma involuti b’mod attiv ħafna. Insista li wasal iż-żmien li din l-ipokrezija tintemm darba għal dejjem. Il-Prim Ministru qal li Malta qed issemma’ leħinha fl-ogħla livell tal-komunità internazzjonali għaliex pajjiżna qed jesperjenza direttament is-sitwazzjoni tal-Libja. “Inħossu l-uġigħ tal-familji, anke mill-qraba Maltin fil-Libja. Għalina, l-poplu Libjan huwa bħall-aħwa”, qal Dr Muscat. 

Is-sitwazzjoni fil-Libja mhix biss kwistjoni ta’ gwerra oħra, iżda ta’ kriżi li qed twassal għal żbarki kbar ta’ immigrazzjoni illegali lejn l-Ewropa. “Bħala mexxej ta’ pajjiż li kull lejl jirċievi telefonati mill-forzi armati tiegħu dwar dgħajjes b’mijiet ta’ persuni fuqhom fir-riskju li jegħrqu, inħoss li din hija konswegwenza diretta tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-komunità internazzjonali. Persuni innoċenti qed ibatu kawża tal-indifferenza”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru esprima qbil mal-pożizzjoni tal-Kap tal-Missjoni Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja Bernardino Leon dwar il-ħtieġa li tinbena aktar fiduċja fil-proċess kollu ta’ paċi. “Nappella għal tmexxija għaqlija mil-Libja biex kull ftehim li jista’ jintlaħaq jiġi rrispettat minn kulħadd”, temm jgħid Dr Muscat fl-intervent tiegħu waqt din il-laqgħa għolja fin-Nazzjonijiet Uniti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

Aktar Stqarrijiet Right arrow