KONFERMA OĦRA LI L-QGĦAD NAQAS GĦAL L-ANQAS RATA QATT IRREĠISTRATA F’PAJJIŻNA
Wara li fix-xhur li għaddew, l-ewwel kellna l-Korporazzjoni tax-Xoghol u Taħriġ (ETC) u mbagħad il-Eurostat li ndikaw li matul l-2014 kien hemm tnaqqis qawwi fil-qgħad f’pajjiżna, illum kien imiss l-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Filfatt il-Labour Force Survey li sar bejn April u Ġunju tal-2014 jindika li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna naqset minn 6.6% fl-2013 għal 5.8% fl-2014. Dan ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 1,400 persuna, jew kważi 12%, ifittxu mpjieg meta mqabbel ma’ l-istess perijodu tas-sena li għaddiet. Kull jum kważi erba’ persuni qiegħda sabu xogħol.
Kien fost iz-żgħażagħ li pajjiżna ra l-aħjar titjijb. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin filfatt naqset minn 15.7% għal 13%, filwaqt li dik fost l-etajiet l-oħra niżlet ghal 4.6% minn 4.9% fit-tieni kwart tal-2013. Aktar minn elf żgħażugħ u żgħażugħa li kienu qed ifittxu xogħol filfatt issa sabuh. Dan huwa tnaqqis ta’ kwart taż-żgħażagħ li kienu qieghda sena ilu.
Dawn ir-riżultati jistunaw bil-kbir man-negattiviżmu tal-Oppożizzjoni li sa ftit xhur ilu kienet qed twissi li pajjiżna għandu problema kbira ta’ qgħad. Sa waqt il-kampanja elettorali li għaddiet il-kelliema tal-Oppożizzjoni kienu qed igħidu li għalkemm qed jiżdiedu l-impjiegi, dawn huma ftit wisq meta mqabbla ma’ dawk li hemm bżonn biex jonqos il-qgħad. Il-fatti wrew li r-realta’ hi li pajjiżna llum qed igawdi mill-anqas rata ta’ qgħad li qatt ġiet reġistrata minn mindu beda jinġabar il-Labour Force Survey. Filfatt l-anqas li qatt kienet niżlet ir-rata tal-qgħad fit-tieni kwart tas-sena kien fl-2008 meta kienet laħqet 6.0%. Il-medja tar-rata tal-qgħad fit-tieni kwart fis-snin kollha bejn l-2001 u l-2013 kienet ta’ 6.9%. Li kieku taħt din l-amministrazzjoni kellna dan it-tip ta’ qgħad, kieku kien ikun hemm kwazi 2000 persuna aktar ifittxu xogħol bħalissa. Il-politika ekonomika ta’ din l-amministrazzjoni qed twassal għal titjib qawwi fil-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn l-eluf ta’ persuni.
Barra minn dawk li sabu impjieg għall-ewwel darba, jidher ukoll li kien hemm titjib sostanzjali għal dawk li ġa kienu jaħdmu. Filfatt skond l-istħarriġ tal-NSO, il-paga medja zdiedet b’ €452, jew 2.9%, meta mqabbla mas-sena li għaddiet. Din iż-żieda qawwija fil-pagi seħħet f’kuntest mingħajr inflazzjoni, bis-saħħa tad-deċiżjoni għaqlija li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Għalhekk iż-żieda fil-paga medja marret dirett fil-bwiet tal-ħaddiema, u mhux biex il-ħaddiem ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja.
Din l-istatistika ġġib fix-xejn l-argumenti riċenti tal-kelliema tal-Oppożizzjoni li bħalissa hawn xi għafsa fil-pagi. Meta tqis l-effett tal-inflazzjoni ż-żieda medja fil-pagi bejn l-2008 u l-2013 kienet ta’ ftit aktar minn €229 fis-sena. Jiġifieri f’termini reali l-pagi din is-sena qed jikbru d-doppju ta’ dak li kienu jikbru fil-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw figuri riċenti ppublikati mill-Eurostat li wrew li l-pagi f’pajjiżna qed jiżidedu tlett darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044