Left arrow Mur Lura

EFFIĊJENZA FIL-ĦIDMA TAL-GVERN – AKTAR DINJITÀ U TNAQQIS TA’ BUROKRAZIJA FIL-ĦIDMA LI QED IWETTAQ IL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI F’DIVERSI OQSMA

pr142139
Date Icon 24/09/2014

Illum ġiet organizzata l-ħames konferenza bl-isem ‘Effiċjenza fil-Ħidma tal-Gvern’ imtella’ mill-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis, bis-sehem tal-Ministru Dr Helena Dalli u l-Kelliem għall-Gvern Carmelo Abela. 

Agius Decelis qal li tnaqqis ta’ burokrazija tagħmel il-ħajja aktar sempliċi għal kulħadd u ssarraf f’aktar trasparenza u għaldaqstant, inqas korruzzjoni.  Agius Decelis elenka kemm hu sinjur u dinjituż ix-xogħol ta’ dan il-Ministeru fejn jagħti ċ-ċans lil kull individwu biex jimraħ u jiżviluppa x-xewqat u l-aspirazzjonijiet tiegħu.  

Il-Kummissarju Agius Decelis enfasizza wkoll fuq l-importanza tal-ugwaljanza fejn kull individwu, b’mod liberu jista’ jiddetermina l-futur tiegħu. 

Il-Kelliem għall-Gvern Carmelo Abela qal li filwaqt li l-Gvern huwa impenjat li jnaqqas il-burokrazija b’25%, din ma għandhiex tkun biss responsabbiltà tal-Gvern iżda ta’ kull min għandu responsabbiltà fi ħdan iċ-ċivil, tkun xi tkun il-funzjoni tagħhom.

Carmelo Abela qal li konvint li bit-tnaqqis tal-burokrazija se jirbaħ kulħadd.  Il-pajjiż isir aktar kompetittiv u b’hekk jikber l-investiment f’pajjiżna.  Barra minn dan, il-ħaddiema fis-servizz pubbliku jeħilsu minn kumplikazzjonijiet bla bżonn  u finalment iċ-ċittadini jingħataw servizz aħjar u f’ħin iqsar.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli spjegat kif il-ħidma li qed iwettaq il-Ministeru tagħha f’setturi differenti qed issir fuq żewġ livelli, fejn mhux biss il-bniedem qed jingħata aktar dinjità, iżda wkoll qed tgħin biex titnaqqas il-burokrazija żejda.

Il-Ministru Dalli faħħret il-ħidma li qed iwettaq dan l-uffiċċju mmexxi mill-Kummissarju Anthony Agius Decelis sew mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak soċjali.

Dwar id-dekasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, Dr Dalli semmiet kif fil-qasam tal-libertajiet ċivili, il-Gvern se jkun qed jippreżenta mal-ftuħ tal-Parlament abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru għall-persuni transgender. Fost l-oħrajn din il-liġi se tnaqqas bosta problemi burokratiċi għal persuni trans fejn jidħlu reġistrazzjoni ta’ bidla fis-sess fil-karti tal-identità, passaporti u ħruġ ta’ ċertifikati.

“Abboz ta’ liġi ieħor li l-Gvern se jkun qed iressaq fil-ġimgħat li ġejjin se jkun dak dwar il-koabitazzjoni, li se jagħti aktar ċarezza lir-relazzjonijiet. Dan se jkun qed jiffaċilita s-sitwazzjoni preżenti fejn iridu jimtlew diversi formoli mill-koppja u għaldaqstant, dan ukoll se jkun qed jgħin biex titnaqqas il-burokrazija” qalet il-Ministru Dalli.

Dwar il-qasam tal-integrazzjoni, Helena Dalli semmiet kif sar sit elettroniku kif ukoll ġew stampati brochures li qed joffru informazzjoni importanti dwar servizzi utli f’Malta lill-immigranti u persuni minn pajjiżi terzi.

Miżuri oħra elenkati mill-Ministru Dalli jinkludu l-qasam tal-konsumatur fejn il-Ministeru għaddej bi proġett pilota ta’ kjosks informattivi f’ċentri ewlenin ta’ xiri li joffru għajnuna lill-konsumatur u li normalment kienet tingħata mill-uffiċini tal-MCCAA.

Dwar il-qasam tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali, il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza li l-kawżi fit-tribunal industrijali ma jitwalux aktar milli meħtieġ. Tkellmet dwar il-ħidma li għaddejja biex it-tribunal industrijali jaqta’ l-każijiet fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx it-tliet xhur mill-aħħar smigħ.

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll setturi oħra fosthom dak tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fejn żdiedu l-ispetturi tax-xogħol biex ikun imħares ix-xogħol prekarju u l-isfruttament tal-ħaddiema.

Oqsma oħra jinkludu l-Awtorità dwar il-Mediċini li qed tattira lejn Malta xogħol minn madwar id-dinja permezz taċ-ċertifikazzjoni tal-mediċini li qed issir f’inqas żmien. Ukoll il-ħruġ għall-konsultazzjoni pubblika ta’ green papers, white papers u abbozzi ta’ liġijiet ta’ kull Ministeru fuq il-kunċett ta’ Gvern miftuħ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

Aktar Stqarrijiet Right arrow