SOĊJETAJIET RELIĠJUŻI JIBBENEFIKAW MINN €1.2 MILJUN MILL-FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Ian Borg ħabbar li mill-aħħar sejħa ta’ €1.2 miljun għal proġetti ta’ pannelli fotovoltaiċi minn soċjetajiet reliġjużi kien hemm 32 soċjetà li bbenefikat.
Dr Borg qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa fejn ġie inawgurat proġett li kien jinvolvi installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaiċi fuq erba’ siti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ordni Sekulari Karmelitan Tereżjan. Dan il-proġett kien parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali b’investiment ta’ €400,000.
L-erba’ siti tal-Ordni Sekulari Karmelitan Tereżjan li fuqhom ġew installati l-pannelli fotovoltaiċi huma:
Il-Knisja ta’ San Ġwann f’Ta’ Xbiex
Is-Santwarju ta’ Santa Tereża f’Birkirkara
Il-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla
Il-Kunvent tas-sorijiet Karmelitani f’Bormla
Il-provinċjal tal-ordni fl-indirizz tiegħu filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti biex dan il-proġett kien konkluż b’suċċess qal li l-objettivi ta’ dan il-proġett kienu li tiżdied il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi alternattivi ta’ enerġija, li jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u li jiżdied l-għarfien dwar l-importanza ta’ ambjent aktar nadif.
Min-naħa tiegħu Dr Borg irringrazzja lill-patrijiet ta’ din l-ordni għall-ġid li jagħmlu fost is-soċjetà Maltija.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044