Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU, DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS, WAQT IT-TNEDIJA TAL-PROGRAMM TAL-JUM DINJI DWAR IT-TURIŻMU BIT-TITLU “TURIŻMU U L-IŻVILUPP FIL-KOMUNITÀ”

pr142132
Date Icon 24/09/2014

‘Għandna naċċertaw li kulħadd fil-komunità jibbenefika ekonomikament mill-ġid li qed iħalli t-turiżmu’

It-tema magħżula mill-UNWTO (United Nations World Tourism Organisation) għal din is-sena hija "Turiżmu u l-Iżvilupp fil-Komunità" u propju għal din l-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Turiżmu li ta’ kull sena jiġi mfakkar fis-27 ta’ Settembru qed iniedi programm sħiħ ta’ attivitajiet li se jkun mifrux fuq ħamest ijiem kemm f’Malta kif ukoll fil-gżira Għawdxija. Dan il-programm jinkludi fost oħrajn bosta attivitajiet artistiċi li ser jitgawdew kemm mit-turisti li jinsabu f’pajjiżna f’dawn il-jiem kif ukoll mill-Maltin.

Din it-tema bl-isem ta’ ‘Turiżmu u l-Iżvilupp fil-Komunità tapplika ħafna għall-pajjiżna, mhux biss għax it-turiżmu huwa settur ewlieni tal-ekonomija, u għaldaqstant għandu impatt soċjo-ekonomiku kbir fuq il-komunità Maltija,  iżda wkoll għax it-turiżmu f’Malta huwa mifrux ma’ Malta kollu.

F’pajjiżna nsibu interazzjoni sħiħa bejn it-turisti u l-membri tal-komunità. Infatti kull wieħed u waħda minna huwa b’xi mod affetwat jew konness ma’ dan is-settur. Huwa dan l-iskop li fil-bidu ta’ din is-sena l-Ministeru għat-Turiżmu ħatar Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi sabiex iħejji proġetti innovattivi li jiżviluppaw siti turistiċi li kienu traskurati fl-aħħar 20 sena, speċjalment fil-Bajja ta’ San Pawl u oqsma ohra fin-Nofsinhar ta’ Malta.  Fil-jiem li ġejjin, dan il-Kumitat ser jiżviluppa f’Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi’. Nemmen bis-sħiħ li għandhom jitjiebu infrastrutturi f’żoni kostali, żoni pubbliċi u attrazzjonijiet turistiċi sabiex jiżdiedu numru ta’ viżitaturi f’dawn l-akwati u sabiex nagħmlu dik il-qabża fil-kwalità tant importanti għal dan is-settur.

Dan is-settur għandu l-kapaċità li jiġġenera attività ekonomika f’ħafna oqsma oħra, u joffri opportunitajjiet ta’ xogħol lil ħafna intrapriżi, speċjalment dawk żgħar u medji. Is-settur turistiku jattira dħul barrani sostanzjali li jgħin biex ikattar l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. It-turiżmu għaldaqstant għandu impatt soċjo-kulturali, mhux biss b’effetti soċjo-ekonomiċi, iżda wkoll minħabba l-influwenza li dan għandu fuq il-ħajja tal-komunità, b’riżultat tal-interazzjoni,  li f’pajjiżna hija pjuttost intensa. L-istess jista’ jingħad meta membri tal-komunità Maltija jmorru fuq btala f’pajjiżi oħra bħala turisti.

Dan il-kunċett kull ma jmur qed ikompli jiżdied. Infatti s-sena l-ohra n-numru ta’ Maltin li siefru tela’ għal 364,000 ruħ, żieda ta’ kważi 10% fuq s-sena ta’ qabel. Dan kollu jorbot mat-tema magħżula għal din is-sena għal dan il-jum dinji dwar it-turiżmu.

It-turiżmu għandu numru ta’ benefiċċji oħra fil-komunità. Dan għax iġib sens ta’ kburija għal dak li huwa Malti, bħal tradizzjonijiet, storja, il-kultura ta’ pajjiżna, u dak kollu li huwa karatteristiku u indiġinu għal pajjiżna. Dan kollu jgħin fil-preservazzjoni ta’ dak li jagħmilna Maltin. It-turiżmu huwa wkoll opportunità biex membri fil-komunità jesponu dak li huwa Malti, dak li jiddistingwi  minn pajjiżi oħra.

F’dan l-ambitu, jien nibqa’ ntenni li f’Malta jeħtieġ li naħdmu għal aktar turisti ta’ kwalità. Għalhekk fil-jiem li ġejjin se nkunu qed iniedu skema ta’ Quality Assured seal għal ristoranti. Din l-iskema hija volontarja u tkopri kull tip ta’ ristoranti inkluż dawk li huma allokati f’lukandi. Din l-iskema se tkun qed tirrikonoxxi ristoranti għal standards ta’ kwalità fuq is-servizz, l-ospitalità, ambjent u fost oħrajn.

Illum it-turiżmu huwa settur ewlieni u parti mill-identità tagħna, li matul iż-żmien wassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-komunità f’pajjiżna. Malta għal dawn l-aħħar snin qed tesperjenza tkabbir fis-settur tal-lukandi boutique fi ħdan l-industrija tal-ospitalità. Din in-niċċa qed tattira interess kbir f’pajjiżna, li b’kunċett ta’ wirt kulturali, bla dubju huwa wieħed mill-aktar popolari u ta’ suċċess.

Hawnhekk, naraw li s-settur turistiku qed jieħu xejra differenti u li l-vjaġġaturi jridu jesperjenzaw il-kultura tal-lokalità u xi affarijiet uniċi tal-pajjiż. Dan iwassal li l-viżitaturi qed jiġu attirati għal proprjetajiet iżgħar fuq l-istess stil tal-boutique hotels. Riċentement rajna żieda fl-interess minn investituri li jfittxu li jixtru proprjetà fil-Belt Valletta u lokalitajiet oħra biex jikkonvertuha f'akkomodazzjoni turistika jew aħjar f’boutique hotels.

Din hija xejra b’konformità mal-Politika tat-Turiżmu tal-Gvern, li tattira  lejn il-gżejjer tagħna segmenti ta’ turisti differenti, li ma jfittxux biss lil Malta għall-bahar u t-temp sabiħ biss iżda wkoll għall-kultura Mediterranja tagħha.

Minn meta l-Ministeru għat-Turiżmu nieda l-kumitat ta’ konsultazzjoni f’Lulju, ġew organizzati serje ta' laqgħat sabiex infasslu viżjoni u ssir reviżjoni tal-politika għat-turiżmu qabel din tiskadi fis-sena 2016.  Il-laqgħat għenu jidentifikaw il-prinċipji varji għall-iżvilupp ta' politika u viżjoni soda, inkluż konsiderazzjonijiet ekonomiċi, implikazzjonijiet soċjali u ambjentali, u kwistjonijiet relatati mal-akkomodazzjoni u s-suq.

Applikajna għal progett taħt il-European Destination of Excellence (EDEN) li għandu l-iskop illi jippromowvi destinazzjonijiet sostenibbli.  It-tema tal-progett din id-darba, illi jekk jieħu l-fondi għandu jibda minn nofs s-sena d-dieħla, hija l-gastronomija.

B'hekk qed inkomplu naraw liema niċeċ huma ta’ importanza partikolari għal raħal jew belt Maltija u permezz tal-inizjattivi li jkunu mtellgħa, din id-destinazzjoni tkun ippremjat u r-raħal jew belt tiġi promossa anke fuq livell Ewropew fejn ikun hemm attivitajiet fejn ir-rebbieħa ta’ kull nazzjonalità jiltaqgħu u jaqsmu ideat ta’ kif jistgħu jtejbu n-niċċa in kwistjoni kif ukoll jinħolqu sinerġiji sabiex ssir aktar kollaborazzjoni bejn d-destinazzjonijiet Ewropej.

Għawdex huwa reġjun importanti ħafna u għaldaqstant qed inżidu l-inizjattivi sabiex niżguraw illi t-turiżmu f’Għawdex ikompli jiżdied.  Għal dan il-għan l-MTA għadha kif daħlet sħab mal-GTA u flimkien applikaw għal proġett tal-EU fl-25 ta’ Awwissu 2014, sabiex jinġiebu fondi ħalli nżidu r-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta.  Nemmnu illi Għawdex għandu ħafna x’joffri fejn jidħlu kemm in-niċeċ tradizzjonali kif ukoll niċeċ turistiċi ġodda u rridu niżguraw illi nkomplu ninvestu fuq dan.

Bla dubju, il-komunità f’pajjiżna tikkontribwixxi b’mod sħiħ fis-suċċess u tkabbir tat-turiżmu. Fattur li jixhed dan, u li huwa kkunsidrat bħala attrazzjoni ewlenija, hija l-ospitalità tal-komunità Maltija li għanda influwenza kbira fuq l-esperjenza tal-viżitaturi lejn pajjiżna. Infatti l-ospitalità hija waħda mill-fatturi li għandha l-potenzjal li tattira aktar turisti  lejn pajjiżna. Skont statistika tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, 93% tal-viżitaturi lejn pajjiżna jgħidu li l-ospitalità tal-Maltin hija fost l-aktar karatteristika pożittiva matul l-epserjenza tagħhom meta jkunu Malta. Dan huwa ta’ benefiċċju u attrazzjoni kbira għal dan is-settur, u hija karatteristika li hemm bżonn li nibqgħu nħaddnu u nipproteġu fil-futur.

Kollox jindika li t-turiżmu ha jibqa’ jikber matul is-snin li ġejjin. Illum it-turiżmu sar parti intrinsika mill-hajja fil-komunità. It-turiżmu, is-safar u l-btajjel,  kollha saru parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum  u mod ta’ żvog importanti għal kulħadd kif ukoll għal kull membru fil-komunità. Bla dubju il-komunità se jkompli jkollha kontribut ewlieni għas-suċċess fit-turiżmu lejn pajjiżna, iżda wkoll it-turiżmu se jibqa’ wkoll jikkontribwixxi b’mod sħiħ għall-iżvilupp fil-komunità. Flimkien nistgħu nkomplu nagħmlu minn dan is-settur suċċess dejjem akbar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

Aktar Stqarrijiet Right arrow