Left arrow Go Back

RESIDENTI FIL-ĦABS JIKKONTRIBWIXXU MATUL IN-NOTTE BIANCA – INAWGURATA ‘ART ROOM’

pr142129
Date Icon 24/09/2014

Inawgurata Art Room fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia, u l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia.

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, ħabbar illi waqt in-Notte Bianca, li ssir fl-4 ta’ Ottubru li ġej, se ssir wirja b’xogħol li sar mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Din il-wirja se ssir fil-‘foyer’ tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.

Michael Farrugia qal illi l-Ministeru li jmexxi jħoss illi r-residenti għandu jkollhom appoġġ kontinwu f’dak kollu li se jservihom għal meta joħorġu lura fis-soċjetà. Kien għalhekk illi meta kien avviċinat sabiex il-Ministeru jissuplixxi l-materjal, aċċetta mill-ewwel.

Il-Ministru Farrugia qal illi x-xogħol li se jkun esebit sar minn 20 resident tal-Faċilità u li b’kollox se jkunu esebiti għaxar pari purtieri, li huma ddisinjati, meħjutin u armati mir-residenti nisa, fiwaqt li l-istands għal dawn il-purtieri qed isiru mir-residenti rġiel.

Il-Ministru Farrugia qal illi ma’ dawn hemm ukoll  madwar ħamsa u għoxrin biċċa tal-arti u li se jkun qed jinbigħ il-ħobż manifatturat mir-residenti.

Michael Farrugia spjega kif parti mill-flus li se jidħlu se jmorru għand il-Fondazzjoni Rise filwaqt illi hemm il-ħsieb li jinħoloq fond fejn dak l-10% li jittieħed mid-dħul tar-residenti jintuża għall-bżonnijiet li jkollhom il-vittmi – Victims Fund.

Il-Ministru Farrugia qal illi din hija parti mill-ħidma  li għaddejja bħalissa sabiex min ikun għamel reat jerġa’ jintegra ruħu fis-soċjetà għaliex dan il-Gvern jemmen illi kull persuna għandha tingħata ċans biex tipprova tgħix ħajja aħjar.

Minn naha tiegħu, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia qal li llum kien hemm żewġ inizjattivi b’kollaborazzjoni ma’ Ministeri oħra li qed isiru għar-residenti tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. Dan juri l-impenn ta’ dan il-Gvern li hu tim wieħed jaħdem għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri biex minn din ir-rijabilitazzjoni tgawdi s-soċjetà Maltija li jkollha inqas reati minn persuni li huma riċedivi.

Manuel Mallia, qal li l-inawgurazzjoni tal-Art Room isegwi l-ftuħ ta’ music room fejn bħalissa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed tiġi rrekordjata mużika. Mill-ġimgħa d-dieħla se jibda jingħata tagħlim minn għalliem tal-Arti f’din l-Art Room.

Il-Ministru Mallia tenna li l-impenn tal-Gvern hu li jagħmel il-ħin li wieħed ikun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin impenjattiv u edukattiv, sabiex priġunier li jiskonta s-sentenza jkollu l-għodod kollha biex la joħroġ mill-Faċilità Korrettiva, ikun jista’ jsib xogħol u jkompli b’ħajtu ’l bogħod mill-kriminalità.

Il-Ministru Manuel Mallia qal li għalhekk il-Gvern qed ikun sod kontra d-droga, għax jemmen li bid-droga ma tistax issir rijabilitazzjoni. Faċilità Korretiva għandha tkun post ta’ serjetà u dixxiplina, u min ma jobdix ma’ dawn l-istandards, jaffaċċja l-konsegwenzi. Il-Ministru Manuel Mallia ħabbar li sar investiment ta’ sitt sniffer dogs li jiswew €2,500 il-wieħed. Dawn il-klieb qed jiġu trejnjati f’post lil hinn mill-Faċilità sabiex ma jerġax jiġri l-iżball tal-passat taħt amministrazzjoni preċedent, fejn il-klieb li suppost kienu jxommu d-droga fil-ħabs spiċċaw il-pets tal-priġunieri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

More Press Releases Right arrow