IL-MINISTRU CARDONA JIPPRESEDI FUQ L-IFFIRMAR TA’ FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI BEJN IL-KAMRA TAL-KUMMERĊ MALTIJA U L-KAMRA TAL-KUMMERĊ TA’ DUBAI
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr Chris Cardona ppreseda fuq l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Dubai.
Waqt li kien qed jindirizza l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Dubai, l-Ministru Cardona saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jibda jħares lilhin mill-Ewropa għall-iżvilup u l-opportunitajiet, u Dubai jibqa’ prijorità. Qal li din kienet ir-raġuni wara din it-tieni żjara tiegħu f’Dubai f’perjodu ta’ ftit xhur.
Il-Ministru Cardona rrefera għal proġett Smart City u l-impenn tal-Gvern Malti li jassigura li dan il-proġett ikun suċċess. Saħaq li dan il-proġett jista’ ikun katalista ta’ aktar kollaborazzjoni u opportunitajiet ta’ investiment bejn iż-żewġ naħat.
Dr Chris Cardona qal li bil-għan li jiżdied il-kummerċ minn u lejn Dubai, Malta tibbaża ħafna fuq il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta, li r-rwol tagħha fl-iżvilup ekonomiku tal-pajjiż kompla jissaħħaħ bil-viżjoni ekonomika għas-snin 2014-2020 li fasslet l-istess organiżazzjoni.
Il-Ministru Cardona qal li b’sodisfazzjon kien qed jinnota li l-Kamra tal-Kummerċ Maltija saret aktar proattiva, partikolarment bit-twaqqif tal-Middle East Business Council immexxi mic-Chairman is-Sur Tonio Casapinta.
Il-ftehim strateġiku bejn il-Kamra tal-Kummerċ Maltija u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Dubai ikopri l-oqsma Marittimi u Loġistiċi, l-Informatika u l-Kommunikazzjoni Teknoloġika, it-Turiżmu u s-Servizzi Finanzjarji.
Il-Ministru Cardona awgura li dan il-ftehim jissarraf f’aktar opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi, tkabbir ekonomika u prosperità kemm għal Malta kif ukoll għal Dubai.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044