FTEHIM IEĦOR BEJN L-ARKIVJI NAZZJONALI TA’ MALTA U HILL MUSEUM AND MANUSCRIPT LIBRARY – 22 TA’ SETTEMBRU 2014
L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta ffirmaw ftehim mal-Hill Museum and Manuscript Library (HMML) li hija parti minn Saint John's Abbey and University (Minnesota, Stati Uniti tal-Amerika) dwar id-diġitizzazzjoni tad-dokumenti tal-Qrati Maltin ta’ żmien il-Franċiżi (Epoca Gallica, 1798-1800). HMML taw kontribut kbir lis-settur arkivistiku Malti b’mod partikolari bis-saħħa tal-viżjoni u sostenn tal-Kavallier Joseph Micallef u l-iżvilupp tal-Malta Study Centre bħala ċentru ta’ riċerka internazzjonali.
Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, Hill Museum and Manuscript Library ser jiffinanzjaw it-tieni laboratorju li huma għandom għad-diġitizzazzjoni fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. F’dan il-laboratorju ser jiġu diġitizzati tliet metri ta’ volumi li għandom paġinazzjoni oriġinali u li kienu legati fis-Seklu Dsatax. Jirriflettu l-ħidma tal-Qrati matul dawk is-sentejn kruċjali fl-istorja ta’ pajjiżna, u r-riformi ġuridiċi introdotti mill-Franċiżi.
Dan huwa t-tieni laboratorju li din il-librerija ser ikollha fl-Arkivji Nazzjonali; l-ewwel laboratorju kien twaqqaf wara ftehim ieħor iffirmat fl-2007. F’dan il-laboratorju, s’issa ġew diġitizzati 1500 volum tal-Qrati Malti ta’ żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Id-direttur il-ġdid tal-Malta Study Centre tal-HMML Dr Daniel Gullo stqarr li jinsab sodisfatt ferm bil-mod professjonali kif qed isir ix-xogħol f’Malta u dan jawgura tajjeb għall-futur. Il-ħsieb li tinbeda din il-kollezzjoni jorbot ma’ interess qawwi li hemm minn riċerkatur mad-dinja fl-istudju ta’ dan il-perjodu. L-Arkivista Nazzjonali, is-Sur Charles Farrugia, stqarr li dan il-ftehim ser jiżgura l-preservazzjoni ta’ dawn id-dokumenti filwaqt li ser jsaħħaħ ukoll is-servizzi mogħtija mill-Arkivji Nazzjonali speċjalment permezz tal-Portal Arkivistiku Ewropew.
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044