ORGANIZZAT SEMINAR TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IL-POLITIKA NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius attenda għal seminar ta’ konsultazzjoni relatat mal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Waqt id-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari enfasizza fuq “l-azzjoni” li tagħti “riżultati tanġibbli” sabiex iż-żgħażagħ, il-familji u l-komunitajiet u s-soċjetà inġenerali jibbenefikaw minn din il-politika. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li jkun inutli nippublikaw dokumenti jekk dawn ma jkunux attwati.
Dan is-seminar kien organizzat mill-kumitat li nħatar apposta sabiex issir il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ bil-kollaborazzjoni tal-EUPA u Aġenzija Żgħażagħ. Il-kumitat qed jieħu ħsieb li wara li tnieda l-abbozz f’Lulju li għadda, issir il-konsultazzjoni neċessarja qabel jiġi ppublikat id-dokument finali.
It-temi li spikkaw l-aktar fid-diskussjoni kienu l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja, is-saħħa, il-volontarjat, gruppi vulnerabbli taż-żgħażagħ, l-arti u l-kultura.
Għal dan is-seminar kienu mistiedna l-għaqdiet kollha taż-żgħażagħ f’Malta, żgħażagħ mill-Kunsilli lokali taż-Żgħażagħ, l-Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ, u persuni li jaħdmu mill-viċin maż-żgħażagħ fosthom youth workers.
Minbarra ż-żgħażagħ infushom, il-konsultazzjoni qed issir ukoll mal-Ministeri kollha, il-Knisja, entitajiet diversi, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, organizzazzjonijiet mhux governattivi taż-żgħażagħ, nies involuti fil-qasam taż-żgħażagħ u l-pubbliku ġenerali. Fil-fatt il-pubbliku jista’ jibgħat il-kummenti tiegħu jew permezz tal-email nationalyouthpolicy.mede@gov.mt jew inkella billi jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook National Youth Policy Malta.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044