IĊ-ĊERIMONJA TA’ GĦOTI TA’ MIDALJA BIEX TFAKKAR IL-ĦAMSIN ANNIVERSARJU MILL-INDIPENDENZA TA’ MALTA
Aktar kmieni din is-sena, il-Gvern approva l-ħruġ ta’ Midalja biex jikkommemora l-Ħamsin Anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta nhar il-21 ta’ Settembru 1964. Ir-Regoli dwar l-għoti ta’ din il-Midalja ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern nhar it-22 ta’ Awwissu 2014.
Il-ħruġ tal-Midalja sar bis-saħħa tal-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika li jipprovdi li “Il-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, jista’ jordna l-ħruġ ta’ midalji biex ifakkru ġrajja, jew anniversarju ta’ xi ġrajja ta’ importanza nazzjonali.”
Il-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta hija ġrajja importanti fl-istorja tal-iżvilupp kostituzzjonali u demokratiku ta’ pajjiżna, li biha Malta kisbet post fil-komunità internazzjonali tan-nazzjonijiet bħala stat sovran. L-indipendenza ta’ pajjiżna tista’ titqies ukoll bħala att politiku li witta t-triq għal kisbiet importanti oħra, fost dawn, l-emendi kostituzzjonali tal-1974 u t-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta, l-għeluq tal-bażijiet militari barranin, fl-1979, u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004.
Ir-Regoli dwar il-Midalja għall-Ħamsin Anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta jistabbilixxu li l-għotja tkun b’effett mill-21 ta’ Settembru 2014, u li l-midalja tingħata “lil persuni li, matul dawn il-ħamsin sena, taw is-sehem tagħhom fl-iżvilupp u t-tkabbir tal-ġid ta’ Malta bħala nazzjon u membru tal-komunità internazzjonali tan-nazzjonijiet.” Din il-Midlaja tista’ tingħata wara l-mewt.
Din is-sena, erbatax-il persuna rċevew il-Midalja waqt ċerimonja li saret illum, 21 ta’ Settembru 2014, fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta. Dawn huma:
L-Onor Joseph Muscat, Prim Ministru ta’ Malta
Sir Anthony Mamo (wara mewtu)
L-Avukat Anton Buttigieg (wara mewtu)
Is-Sinjorina Agatha Barbara (wara mewtha)
Is-Sur Paul Xuereb (wara mewtu)
It-Tabib Ċensu Tabone (wara mewtu)
L-Avukat Ugo Mifsud Bonnici, President Emeritus ta’ Malta
Il-Professur Guido de Marco (wara mewtu)
L-Avukat Edward Fenech Adami, President Emeritus ta’ Malta
L-Avukat George Abela, President Emeritus ta’ Malta
In-Nutar Giorgio Borg Olivier (wara mewtu)
Il-Perit Dom Mintoff (wara mewtu)
L-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici (in absentia)
Dottor Alfred Sant
L-Avukat Lawrence Gonzi
pr142105a.pdf
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044