DISKORS MILL-E.T. MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA, PRESIDENT TA’ MALTA, F’GĦELUQ IL-ĦAMSIN SENA MINN META MALTA SARET INDIPENDENTI - IS-SIBT – 20 TA’ SETTEMBRU – TA’ LIESSE – IL-BELT VALLETTA
Onorevoli Prim Ministru
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni
Ħuti Maltin u Għawdxin
Inħossni verament kburija li, f’għeluq il-ħamsin sena mill-kisba tal-Indipendenza, inkun jien, bħala l-Kap tal-Istat Malti, li nagħti ġieħ lil Malta u lill-ħuti Maltin u Għawdxin.
Illum huwa jum ta’ kommemorazzjoni, kif ukoll ta’ ċelebrazzjoni, għaliex l-Indipendenza ta’ pajjiżna, kienet il-kulminu ta’ għadd ta’ avvenimenti oħra storiċi qabilha, fejn il-Maltin u l-Għawdxin, iġġieldu għad-drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi tagħhom. Iżda wkoll, l-Indipendenza, skattat proċess għal għadd ta’ kisbiet importanti storiċi oħra għalina l-Maltin u l-Għawdxin.
L-Indipendenza kisbet għal Malta l-għarfien politiku internazzjonali, bħala nazzjon indipendenti permezz tas-sħubija fil-Ġnus Magħquda u l-Kunsill tal-Ewropa. Filwaqt li minn dak iż-żmien li ’l hawn, Malta ikkontribwit bis-sħiħ, u bl-aktar mod proattiv fi ħdan dawn l-entitajiet prestiġġjużi internazzjonali. Sa mill-1967, Malta ddistingwiet ruħha, meta fil-Ġnus Magħquda, ressqet it-talba u li ġiet approvata, biex qiegħ il-baħar u l-oċean, u l-użu tar-riżorsi misjuba fihom, ikunu fil-ġurisdizzjoni internazzjonali fl-aħjar interess tal-umanità.
L-għażliet politiċi li għamlu missierijietna dak iż-żmien, permezz tal-Indipendenza, kienu ħolqa fil-katina li kellha tintiseġ matul iż-żminijiet, biex illum pajjiżna, għamel kisbiet importanti oħra, bħat-twaqqif tar-Repubblika Maltija, l-għeluq kompletament tal-bażi militari Ingliża u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Bħal f’katina li s-saħħa tagħha tiksibha għaliex iżżomm flimkien, ħolqa f’oħra, hekk ukoll, il-kisba tal-Indipendenza, irridu ngħożżuha bħal kull ħolqa oħra f’din il-katina storika mill-isbaħ Maltija.
F’okkażjonijiet ta’ ferħ bħal llum, ma nistgħux nikkommemoraw u niċċelebraw biss, iżda wkoll irridu nieħdu l-opportunità bħala Poplu, biex dan ikun waqt ta’ riflessjoni u ħalfa ta’ impenn, biex il-legat li ħallewlna missierijietna, inġedduh u nsostnuh.
Legat li żviluppawh matul is-snin ta’ qabilna, f’attentat wara l-ieħor li jagħmlu minn dan il-pajjiż, pajjiż tassew indipendenti, tassew ħieles, tassew integru, tassew demokratiku.
Missirijietna riedu fil-proċess ta’ dan kollu jassiguraw, soċjetà Maltija b’saħħitha għax sostnuta bid-dinjità u bil-valuri tal-ġustizzja u s-solidarjetà.
B’hekk nistgħu nagħtu ġieħ lill-arkitetti politiċi ta’ dan il-pajjiż żgħir, iżda dejjem b’saħħtu fil-valuri.
B’hekk nistgħu nassiguraw li l-Indipendenza u kull kisba oħra warajha, jibqgħu relevanti għal-lum u għal ghada.
Illum id-destin qed isejjaħ lilna biex bħal ta’ qabilna inħobbu lil pajjiżna u lil ġensna.
Qed isejħilna biex ningħaqdu, inħarsu lejn l-istorja biex tgħallimna u nagħrfu li xejn ma jiġri b’xejn.
Malta qed issejħilna biex nintebħu li rridu nibqgħu sodi fil-valuri tagħna, ħalli flimkien, f’armonija u serenità, inkomplu ningħaqdu għal ġid tagħna u l-familji tagħna.
It-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jixirqilhom dan kollu u aktar. Għalhekk din is-sejħa li qed tagħmlilna Malta, irridu nqumu għaliha.
Pajjiżna jrid jibqa’ kommess li jkompli jaħdem biex il-valuri tagħna tal-libertà u tad-demokrazija, tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt jibqgħu jkunu mħarsa u nkomplu nsaħħuhom.
Hekk jitlob id-dmir minnha u hekk jixraq lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna.
Matul iż-żminijiet, Malta ddistingwiet ruħha minn pajjiżi oħra għaliex għarfet li r-rwol tagħha kien, li għandha tagħmilha ta’ katalista, biex tħeġġeġ id-djalogu bejn il-ġnus, bil-għan ewlieni, li tinkiseb il-paċi u l-istabbilità dejjiema, fil-Mediterran u r-reġjun.
Għalhekk din l-okkażjoni tal-50 sena mill-kisba storika tal-Indipendenza, irid ikun mument ta’ impenn biex inkomplu b’din il-mixja u vokazzjoni, li naħdmu b’saħħitna kollha biex inressqu lill- ġnus flimkien, ħalli kulħadd isir jgħożż il-paċi u l-ħajja.
Hekk jistennew minnha t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
Nixtieq nagħlaq dan id-diskors tiegħi bi kliem l-arkitett ta’ Malta Indipendenti, l-ex Prim Ministru Dr Ġorġ Borg Olivier, li għadu u jibqa’ relevant sal-lum:
‘L-Indipendenza tfisser li rridu naħdmu, forsi aktar u aktar bil-qalb, għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja, illi l-Indipendenza li ksibna aħna, verament nimmeritawha, nafu naħdmu demokratikament, nafu lill-poplu tagħna immexxuh lejn il-bon ordni u l-liġi fil-pajjiż, lejn il-prosperità ekonomika, lejn il-ġid tagħna, ta’ uliedna u ulied uliedna.’
Stqarrijiet Oħra:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044