IL-KAROZZA TAN-NAR LURA F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo laqa’ bi pjaċir l-ewwel karozza li qatt ġiet irreġistrata f’Malta. Fil-fatt għandha n-numru tar-reġistrazzjoni Numru 1. Din il-karozza kienet ukoll l-ewwel karozza li qatt instaqet fit-toroq Għawdxin. Hija tal-marka Siddeley.
Il-karozza ġiet irreġistrata fil-1904. Mhux magħruf x’sar mill-karozza bejn il-1904 u l-1907. Dwar dawn is-snin għadha qiegħda ssir ir-riċerka. Ir-riżultat għandu jkun ferm interessanti għad-dilettanti tal-karozzi antiki.
Li hu magħruf hu li din il-karozza sabet ruħha f’Għawdex fil-1907. L-Għawdxin tant beżgħu minnha li bdew isejħulha “l-karozza tan-nar”. Eventwalment il-karozza ma baqgħetx tinstaq u sabet ruħha abbandunata ġewwa mitħna għal madwar 60 sena sakemm instabet minn David Arrigo u Brian Mizzi fil-1968.
Din is-sejba kienet meqjusa bħala waħda formidabbli. Għalkemm kienet fi stat ħażin ħafna, il-vettura nstabet sħiħa u dan għen fir-restawr tagħha. Il-Ministru Refalo rringrazzja lil David Arrigo li wara 110 sena l-Għawdxin ingħataw l-opportunità li jaraw din il-karozza fl-istat oriġinali tagħha. Il-Ministru semma kif il-karozza Siddeley 1904 għandu jkollha post speċjali fil-qalb tal-Għawdxin minħabba li Siddeley 1904 hija parti mill-istorja ta’ Għawdex.
Il-pubbliku preżenti fi Pjazza San Franġisk kien entusjat u kien hemm xi uħud li bdew jirrakuntaw stejjer mit-tfulija tagħhom dwar din il-karozza. Preżenti kien hemm ukoll David Arrigo li hu sid il-karozza kif ukoll Franco Azzopardi CEO ta’ Express Trailers. Moira Delia mexxiet din l-attività. Fr Joe Xerri O.F.M. Conv bierek il-karozza.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044