IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI RODERICK GALDES INIEDI L-FESTA TAL-ĦUT F’MARSAXLOKK
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes nieda edizzjoni oħra tal-festa tal-ħut li se ssir f’Marsaxlokk għada l-Ħadd mit-8pm ’il quddiem. Galdes sostna li dawn l-attivitajiet huma importanti bħala parti mill-istrateġija tal-gvern li jippromovi l-prodott Malti u l-ħut frisk.
Is-Segretarju Parlamentari nnota b’sodisfazzjon li l-istaġuni tat-tonn u tal-lampuki kienu pożittivi, tant li kull sajjied laħaq il-kwota tiegħu tat-tonn f’perjodu iqsar mis-soltu.
Hu qal li jidher li l-kontrolli fuq is-sajd tat-tonn, b’mod partikolari s-sistema ta’ kwoti, tidher li diġà qed tħalli r-riżultati mixtieqa peress li hemm indikazzjoni li l-popolazzjoni tat-tonn qed tirkupra gradwalment.
Galdes saħaq li s-sostenibbiltà hi kruċjali biex tassigura l-futur ta’ dan is-settur, u elenka numru ta’ proġetti li l-gvern qed jaħdem fuqhom biex jikkumplimenta dan. Fost l-oħrajn hu semma li l-proġett tal-breakwater f’Marsaxlokk qed jistenna l-approvazzjoni tal-MEPA, filwaqt li l-gvern qed jaħdem biex isiru wkoll landing sites f’Marsaxlokk u ieħor fil-Marsa fil-viċinanzi tal-pixkerija l-ġdida.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-maġġor parti ta’ dawn il-fondi Ewropej se jitgawdew minn Marsaxlokk u s-sajjieda Xlukkajri, biex id-dehra ta’ bosta opri tal-baħar f’din il-lokalità ma ssirx biss attrazzjoni turistika iżda tibqa’ mezz ta’ għajxien għal bosta familji.
L-attività ‘Fish Fest’ se ssir il-Ħadd 21 ta’ Settembru 2014 mit-8pm il quddiem, f’Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044