EFFIĊJENZA FIL-ĦIDMA TAL-GVERN – SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊEDURI, IKTAR TRASPARENZA FIL-ĠUSTIZZJA U L-KULTURA
Illum ġiet organizzata konferenza oħra minn sensiela ta’ konferenzi bl-isem ‘Effiċjenza fil-Ħidma tal-Gvern’ imtella’ mill-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis bis-sehem tal-Ministru Dr Owen Bonnici.
Fid-diskors tiegħu Anthony Agius Decelis ħabbar li l-ewwel fażi tal-konsultazzjonijiet ġiet konkluża fejn nġabru mal-175 proposta differenti. Għaldaqstant, se jibda x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proċess fejn se ssir evalwazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kif nistgħu nimplimentaw dawn il-proposti.
Il-Kummissarju Agius Decelis qajjem il-punt tal-video conferencing waqt l-ismigħ tal-kawżi – punt li ġie mqajjem f’konferenza li ġiet mtella’ f’Għawdex mill-istess uffiċċju. Il-Ministru Dr Owen Bonnici spjega li dan huwa proġett li qed isir ix-xogħol fuqu u li se jibda l-ewwel f’Għawdex.
Il-Ministru Dr Owen Bonnici spjega li qed jiġu implimentati għadd ta’ miżuri li jinkludu l-użu tat-teknoloġija u tal-informatika. Il-Ministru rrefera għall-inizjattiva ta’ ‘lecam online’ li se tiġi implimentata f’Ottubru li ġej. Dan is-servizz se jagħti l-possibbiltà li l-avukati, in-nutara pubbliċi u l-prokuraturi legali jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fuq il-LECAM - li hija s-sistema komputerizzata tal-Qorti. Din l-informazzjoni tista’ tkun dwar kawżi deċiżi jew pendenti f’kull qorti jew tribunal ġudizzjarju, ittri uffiċjali, ċedoli, protesti, u mandati. B’dan il-mod kull klijent li jmur fl-uffiċċju tal-avukat tiegħu jkun jista’ jiġi aġġornat dwar il-kawża tiegħu dak il-ħin stess.
Inizjattiva oħra li ġiet introdutta f’Għawdex hija li fiċ-ċivil, l-kawżi qed jiġu mqassma f’ħinijiet differenti u mhux kollha mniżżlin fid-9 ta filgħodu biex b’hekk jitqassam il-ħin u mhux kulħadd ikun fl-istess ħin u b’hekk tiġi evitata l-istennija żejda.
Inizjattivi oħra li ħadem fuqhom il-Ministeru ta’ Dr Bonnici fil-qasam tal-ġustizzja jinkludu emails lill-avukati u prokuraturi legali dwar ir-riżultat ta’ notifika. L-aktar inizjattiva li tispikka fejn jidħol nuqqas ta’ burokrazija huwa li wieħed jista’ jippreżenta l-kawża u kwalunkwe att ieħor f’Għawdex flok f’Malta u vice versa. Apparti minn hekk, qed jintbgħatu t-traskrizzjonijiet tax-xhieda u d-digrieti tal-qrati ċivili lill-avukati permezz ta’ email; is-seduti li huma ippjanati jidħlu fis-sistema mal-ewwel u l-pubbliku jkun jista’ jikkonferma jekk effettivament għandu seduta f’ġurnata partikolari billi jidħol fis-sit tal-Ġustizzja.
Fir-rigward ta’ Heritage Malta li taqa’ taħt l-istess Ministeru, ġiet implimenta sistema teknoloġika ta’ bejgħ ta biljetti, kemm online kif ukolll direttament minn uffiċċju ta’ tour operators, language schools u postijiet oħrajn. Ġiet implimentata wkoll sistema ta’ ordnijiet awtomatiċi, fejn stock li jintuża ħafna mill-istores qed jiġi ordnat qabel ma jispiċċa permezz tal-informatika.
Anthony Agius Decelis, għalaq il-konferenza billi enfasizza li għanda nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex b’hekk nsaħħu l-investiment li diġà hawn u nattiraw iktar investiment lejn pajjiżna. Għaldaqstant għandna lkoll naħdmu flimkien biex titnaqqas il-burokrazija żejda biex b’hekk ilkoll ngawdu u mmexxu l-pajjiżna ’l quddiem.
Fost dawk preżenti kien hemm l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech, il-Kummissarju għal-Liġijiet Dr Franco Debono u n-Nutar Clinton Bellizzi f’isem il-Kunsill Nutarili, li lkoll taw il-kontribut tagħhom fejn qasmu l-ideat u dawn ġew diskussi.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044