IL-PRESIDENT TA’ MALTA MARIE LOUISE COLEIRO PRECA TĦABBAR LI GĦADDEJ PROĊESS BIEX F’MALTA TIBDA TOPERA IL-MALTA FOOD BANK FOUNDATION
Illum il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca żaret l-għaqda mhux governattiva FareShare f’Londra, li f’sena titma’ tnax-il miljun ikla u 62,000 persuna vulnerabbli. L-organizzazzjoni FareShare uriet lill-President ta’ Malta s-sistema ta’ kif permezz ta’ diversi mħażen li għandha fir-Renju Unit tiġbor ikel li jkun se jintrema jew ikun żejjed, minn supermarkets kbar u produtturi tal-ikel. Normalment dan l-ikel, jinġabar minn FareShare u jintuża għal nies fil-bżonn fosthom nies bla saqaf fuq rashom, u persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.
Kien hawn li l-President ħabbret li f’Malta għaddej il-proċess biex topera il-Malta Foodbank Foundation u li l-President hija l-Padruna tagħha. Din se taħdem permezz ta’ maħżen u sistema organizzata għall-ġbir ta’ ikel ippakkjat li minflok ma jintrema għax ikun wasal biex jiskadi, jitqassam lil nies fil-bżonn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ FareShare Lindsay Boswell spjega lill-President kif f’sena jirnexxielhom jiġbru ’il fuq minn ħames tunellati ta’ ikel li jkun se jintrema jew żejjed. Is-Sur Boswell spjega kif FareShare jirnexxielu jagħmel dan s-suċċess grazzi għall-appoġġ ta’ ’l fuq minn elf u ħames mitt voluntier li jagħtu mill-ħin tagħhom biex jorganizzaw l-imħażen u jqassmu l-ikel. FareShare sservi ’l fuq minn tmien mitt għaqda mhix governattiva fir-Renju Unit li jutilizzaw mis-servizz tagħha, u b’dan il-mod l-istess għaqdiet jiffrankaw mat-tlettax-il elf sterlina fis-sena minn xiri ta’ ikel.
Waqt din iż-żjara l-President ta’ Malta rringrazzjat lill-organizzazzjoni FareShare għall-informazzjoni tant utli li se sservi ta’ gwida essenzjali għal meta dan is-servizz jiġi varat f’Malta. Qalet li dan is-servizz f’Malta se jkun qed jgħin biex jindirizza l-ħela ta’ tant ikel li jista’ jintuża u fl-istess ħin dawk li verament għandhom bżonn appoġġ, isibu dan is-servizz li jgħinhom jintrefgħu mill-faqar.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044