IL-MINISTRU ANTON REFALO U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA JATTENDU GĦAL-KONFERENZA TAL-GĦOTI TAĊ-ĊERTIFIKATI TAL-FITA
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo attenda l-konferenza tal-għoti taċ-ċertifikati ta’ korsijiet tal-kompjuter lill-persuni bi bżonnijiet speċjali, organizzati mill-Fundazzjoni għall-Aċċessibilità għall-Informazzjoni Teknoloġika. Illum persuna bi bżonnijiet speċjali jista’ faċilment ikollha l-istess aċċess għat-teknoloġija bħal ħaddieħor. Dan il-kors (għas-sena skolastika 2013-2014) sar ukoll bil-kollaborazzjoni tal-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità (FGĦPD). Ġie ffinanzjat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Din il-Federazzjoni hija organizazzjoni mhux governattiva li tiġbor fiha l-għaqdiet u l-entitajiet Għawdxin li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità f’Għawdex. Il-Federazzjoni twaqqfet f’Diċembru 2003 bi skop li jaħdmu id f’id għall-ġid tal-persuni b’diżabilità Għawdxin partikolarment fuq issues komuni li jolqtu d-diżabilità f’Għawdex. F’Marzu ta’ 2008 twaqqaf l-uffiċċju tal-koordinatur tad-diżabilità għal Għawdex. Dan sar wara li ntlaħaq ftehim bejn il-FGĦPD u l-Ministeru għal Għawdex bi skop li flimkien ifittxu li jtejbu dejjem iktar il-kwalità ta’ ħajja tal-persuni b’diżabilità Għawdxin.
L-uffiċċju tal-koordinatur tad-diżabilità għal Għawdex jservi bħala one stop shop għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom fejn fost oħrajn joffri servizzi ta’ pariri, informazzjoni u diversi servizzi relatati mad-diżabilità, korsijiet speċjalizzati għall-persuni b’diżabilità, laqgħat u konferenzi b’suġġetti relatati mad-diżabilità.
Il-Ministru Refalo ipprezenta ċ-ċertifikati lill-ħames studenti li lestew il-kors waqt li awgurawlhom suċċess. Il-Ministru wiegħed li l-Ministeru għal Għawdex ser jibqa’ jagħti s-sapport u l-għajnuna kollha meħtieġa lill-Federazzjoni. Dan filwaqt li jitkomplew jissaħħu s-servizzi li qed jingħataw lill-persuni b’disabilita’ u lill-familjari tagħhom miċ-ċentru Santa Marta.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana awgurat lil dawk kollha li temmew il-kors b’suċċess. Hija qalet li okkażjonijiet bħall dawn huma importanti għax qiegħdin nassiguraw kwalità tal-ħajja u standard t’għejxien aċċettabbli.
Hija qalet li it-teknoloġija tal-informatika hija għodda li biddlet id-dinja, mil-mod kif wieħed jikkomunika sal mod kif wieħed jiddeverti. Qalet li is-Segretarjat Parlamentari għaddej kontinwalment b’ħidma biex jippromovi u jisħoq fuq l-abbiltajiet tal-Persuni b’Diżabilità u kien għalhekk li il-Gvern waqqaf Segretarjat Parlamentari dedikat għal dan is-settur tad-Diżabilità.
Semmiet li fi ftit ġimgħat oħra is-Segretarjat Parlamentari ser ikun qiegħed jippublika il-Politika Nazzjonali dwar id-Drittijiet għal-Persuni b’Diżabilità. F’dan id-dokument, il-Gvern ser ikun qiegħed jagħti spinta enormi lil-abbiltà u l-empowerment. Hija qalet li bħalissa għaddejin b’eżerċizzju leġiżlattiv estensiv li mistenni ikun lest fix-xahar ta’ Ottubru biex inkomplu insaħħu l-attiviżmu fost il-persuni b’diżabilità.
F’din il-Konferenza is-Segretarju Parlamentari ħabbret ukoll sensiela ta’ inizzjattivi b’kollaborazzjoni mal-MITA u mal-MCA biex jingħata taħriġ lil-Persuni b’Diżabilità. Semmiet il-Weekend ta’ Informazzjoni li ser jiġi organizzat f’Għawdex stess, seminar minnhom fuq id-dimensja u seminar ieħor informattiv fuq is-servizzi għal-persuni b’diżabilità. Hija semmiet li dalwaqt ser ikun qiegħed jinfetaħ KNPD Helpdesk f’Għawdex kif ukoll fil-futur qarib ser jibdew jiġu mogħtija Servizzi tal-Aġenzija Sapport f’Għawdex biex l-Għawdxin ikollhom is-servizzi kollha f’Għawdex stess u dan filwaqt li fakkret li ser ikollna l-ewwel residenza għall-persuni b’ diżabiltà f’Għawdex. Dr Caruana irringrazzjat lill-FITA u lill-Federazzjoni Għawdxija għall-Persuni b’Diżabilità u ħabbret li flimkien mal-Federazzjoni ser ikunu qed iwettqu progett importanti ħafna.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll M’Rose Attard Gozo Disability Coordinator u Elizabeth Olivieri Chairperson FITA.
Stqarrijiet Oħra:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043