IT-TELF TAL-KUMPANIJA GOZO CHANNEL JINZEL B'AKTAR MINN €650,000
In-net loss tal-kumpanija Gozo Channel niżel b'€671,422 fil-perjodu Jannar - Lulju 2014 meta mqabbel ma’ l-istess perjodu fl-2013. Fost oħrajn għal fatt illi l-fuel cost tal-kumpanija niżel b’€50,891 fil-perjodu Jannar - Lulju 2014 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2013.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għamel żjara fil-Gozo Channel. Flimkien mal-Ministru kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina. Il-Ministru Refalo żar it-terminal tal-Imġarr kif ukoll il-vapur Gaudos . Huwa ltaqa’ mal-ħaddiema kif ukoll ma xi passiġġieri li kienu qed jivvjaġġjaw bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Ministru għal Għawdex wera apprezzament għall-ħidma li qed tagħmel il-Gozo Channel. Anton Refalo elenka l-miżuri li kellhom jittieħdu minn mindu l-kumpanija Gozo Channel ġiet fdata lill-Ministeru għal Għawdex. Fost l-oħrajn semma t-tnaqqis tad-dejn, ġie eliminat is-serq kbir u organizzat li kien isir fil-kafetteriji tal-vapuri u ttieħdu l-passi kollha neċessarji bil-Qorti. Ġie maħtur audit board biex jistudja fid-dettal l-operat tal-kumpanija u jidentifika kwalunkwe ħela li jista’ jkun hemm.
Iżda l-miżuri ma kienux ristretti għal sempliċi ffrankar tal-flus. Minn naħa l-oħra l-Ministeru għal Għawdex beda ħidma ta’ kif jinġieb iktar xogħol għall-Gozo Channel permezz ta’ inizjattivi li ħajjru lit-turist, speċjalment dak Malti jżur Għawdex. Dawn l-inizjattivi ħallew il-frott.
F’Awwissu ta’ din is-sena l-kumpanija ġarret iktar minn nofs miljun persuna (543,000) u iktar minn mija u erbgħin elf karozza (142,000). Dan f’din is-sena, li kienet sena record għall-Gozo Channel. Dan meta fis-snin 2011 u 2012 l-għadd ta’ vjaġġi u n-numru ta’ passiġġieri naqsu fuq is-snin ta’ qabel; filwaqt li żdiedu fis-snin 2013 u 2014. L-għadd ta’ vetturi li għabbiet il-Gozo Channel, li naqas fit-2012 fuq is-snin ta’ qabel, mill-ġdid żdied fis-sena 2013, u fis-sena 2014 issupera saħansitra s-sena 2010 li kienet sena tajba.
INVESTIMENT FIL-ĦADDIEMA
Il-kumpannija Gozo Channel temmen li l-operat tagħha jkun tajjeb daqskemm ikunu tajbin il-ħaddiema tagħha. Tlett (3) kaptani tal-Gozo Channel Joseph Vella, Emanuel Debattista u Norbert Spagnol, għamlu kors li jwassal għall-kwalifika ta’ Master Mariner. Anton Refalo feraħ lil dawn il-kaptani li ser ikunu jistgħu jaqdu aħjar lill-kumpanija u lill-klijenti. Għalhekk l-investiment ta’ sponsorship tal-kumpannija se jwassal ghal iżjed riżorsi umani, iktar ikkwalifikati.
Huma attendew għall-kors li nżamm f’Malta għall-ewwel darba fi 12-il sena minn meta twaqqfet l-Iskola Marittima ta’ Malta. It-tlett kaptani lestew il-kors b’suċċess u għaddew mill-eżamijiet orali kollha li kienu organizzati mill-Maritime Coastguard Agency (tar-Renju Unit) b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta.
TNEDIJA TAL-WEB SITE IL-ĠDIDA TAL-GOZO CHANNEL U L-WI-FI FUQ IL-VAPURI TAL-GOZO CHANNEL
F’dinja li kontinwament qed tinbidel u fejn it-teknoloġija hija parti importanti mill-ħajja ta’ kull individwu, l-Gozo Channel ħasbet għall-iżvilupp ta’ website ġdida www.gozochannel.com. Il-Ministru semma l-għanijiet varji ta’ din il-website fosthom li l-kumpanija sejra ssaħħaħ il-kunċett li l-vapuri tal-Gozo Channel huma l-bieb li jagħti għal Għawdex. Għalhekk tirriklama lil Għawdex permezz ta’ filmati; tippromwovi attivitajiet kulturali li jkunu qegħdin isiru f’din il-gżira; u gwida ġenerali dwar kif iżżur id-diversi nħawi u attrazzjonijiet t’Għawdex. Is-sit joffri kollaborazzjoni u opportunitajiet ta’ riklamar għan-negozji Għawdxin. Fuq kollox tgħin biex ittejjeb il-komunikazzjoni bejn il-kumpanija u l-klijenti.
Mill-ewwel ta’ Settembru bdiet titħaddem s-sistema ta’ Wi-fi b’xejn fuq il-vapuri kollha. Il-Ministeru għal Għawdex saħaq li din l-inizjattiva hi ta’ benefiċċju għall-passiġieri u wegħda oħra mill-manifest elettorali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043