STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR
Reazzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar għal stqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kompetittività Industrijali
Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar jinnota għal darba kemm l-Oppożizzjoni qed tkompli tkun izolatha fil-kritika negattiva tagħha dwar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Chris Cardona qal li ‘l-prijoritajiet żbaljati tal-Gvern’ li qed tirreferi għalihom l-Oppozizzjoni jistunaw mal-fatt li;
• Il-Eurostat identifikat lil Malta bħala l-ekonomija bl-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropeja kollha, hekk kif din żdiedet b’1.3 fil-mija fit-tieni kwart ta’ din is-sena fuq il-kwart ta’ qabel.
• Fl-aħħar siegħat l-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali Fitch ikkonfermat il-Credit Rating A+ ta’ Malta. F’dan ir-rapport mhux biss jingħad li Malta tinsab fit-triq it-tajba fil-finanzi u fil-qasam tal-impjiegi, imma wkoll li l-ekonomija ta’ Malta qed tiżboq (outperforming) il-medja tat-tkabbir tal-pajjiżi taż-żona ewro.
• Il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar il-Kompettitivita’ Industrijal għal 2014 irrikonoxxiet li Malta tinstab fi triq it-tajba biex tkompli isaħħaħ il-Kompettitività Industrijali.
• Minn ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirrizulta li mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni nħolqu 10 impjiegi full-time kuljum mas-settur privat.
• Il-Malta Enterprise kompliet tibni fuq is-sena rekord reġistrata fl-2013, fejn fl-ewwel 6 xhur tas-sena diġa approvat aktar minn 17- il proġett ġdid b’investiment dirett barrani.
Il-Ministru Cardona saħaq li dawn huma lkoll aħbarijiet pozittivi li jimlew il-Gvern b’aktar kuraġġ biex ikompli jinvesti aktar l-enerġija tiegħu biex itejjeb il-kompettivita’ tal-pajjiż u jindirizza l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-Industrija.
Other Press Releases:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043