DISKORS MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT WAQT L-INAWGURAZZJONI UFFIĊĊJALI TAL-MONUMENT TAL-PRESIDENT EMERITU GUIDO DE MARCO QUDDIEM IL-BINI TAL-QORTI
Huwa pjaċir u unur għalija li qiegħed hawn illum biex nagħtu ġieħ lill-memorja tal-President Guido De Marco, wieħed mill-akbar statisti ta’ pajjiżna.
Naħseb li fuq livell personali hawn ħafna minnkom preżenti llejla li jistgħu jagħmlu diskorsi mizgħuda b'aktar tifkiriet minn dawk li nista’ naqsam magħkom jien. Insemmi biss iżda episodju żgħir.
Kien fl-isfond ta' teżi li kont qed nagħmel li ltqajt mal-Professur de Marco fil-bini tal-Parlament. It-tema li xtaqt inkellmu dwarha kienet pjuttost dejqa. Ridt nistaqsi kif wieħed jista’ jiddefinixxi lil pajjiżna, u ridt nara x’jaħseb dwar definizzjonijiet bħal small state, city state, micro state. Tbaqbaq mhux ħażin fuq kull waħda minn dawn id-definizzjonijiet u argumenta li kulħadd jaf id-daqs ta’ pajjiżna u minħabba f'hekk wieħed m’għandux juża kategoriji u definizzjonijiet li jistgħu iċċekknu r-rilevanza tagħna f’għajnejn ħaddieħor.
Kienet tbaqbiqa sabiħa ta’ persuna b’sens ta’ stat qawwi ħafna u kburi b’pajjiżna fejn jaf li r-rwol ta’ Malta huwa ferm ikbar mid-daqs tiegħu.
Għal pajjiżna Guido de Marco kien jara vokazzjoni ħierga mill-istorja tagħha. Kien jara l-ilsien Malti bħala l-akbar xhieda tal-identità Maltija u tar-rwol ta’ pajjiżna.
Kien jaġgħen l-imħabba li kellu lejn Malta mas-sehem tal-Mediterran. Għal President Guido de Marco pajjiżna jiġbor fih id-diversità tal-Mediterran.
Kien iħares lejh bħall-istoriku Franċiż Fernand Braudel li jara l-Mediterran elf ħaġa mqegħda flimkien. Mhux xena waħda imma għadd ta’ xeni, mhux baħar wieħed imma kumpless ta’ ibħra. Mhux ċiviltà waħda imma numru ta’ ċiviltajiet, waħda mrikkba fuq l-oħra. Jarah bħal ma rah Van Gogh meta frustrat biex jaħtaf l-ilwien Mediterranji jiddiskrevih li lwienu l-ħin kollu jinbidlu; ma tafx jekk hux aħdar jew vjola u lanqas tista’ tgħid li kaħlan għax f'daqqa waħda jsir jagħti ftit fir-roża jew griż.
Ir-rwol li kien jara l-President de Marco għal pajjiżna kien bħala katalista għall-paċi fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani. Lil Malta kien jaraha l-pont bejn l-Ewropa u l-Afrika li taħdem għad-djalogu bejn il-popli tar-reġjun biex jinkisbu soluzzjonijiet imsejsa fuq il-ġustizzja, il-ħelsien u żvilupp wiesa’ soċjo-ekonomiku. Din il-viżjoni qatt ma kienet relevanti daqs illum bl-instabbilità fir-reġjun tagħna u b’paċi elużiva bejn Iżrael u l-Palestina.
U jibqa jmexxi ’l quddiem din il-viżjoni kull fejn jista’. Bħala President tal-Assemblea tal-Ġnus Magħquda ma ddejjaqx jiġbed widnejn in-nazzjonijiet li l-għodda ta’ din l-organiżazzjoni ma kienux qed jużawha. Jikkritika lill-Ġnus Magħquda għan-nuqqas ta’ rieda li l-organiżazzjoni tieħu tabilħaqq ir-rwol tagħha li tiggarantixxi s-sigurtà u stabilità internazzjonali fosthom għax riżoluzzjonijiet dwar il-Lvant Nofsani jitħallew bla effett u bla saħħa.
Il-kobor tal-President de Marco kien li bħala politiku għaraf fejn kien hemm bżonn ta’ bidla mill-passat. Iżda għaraf ukoll is-siewi tal-kontinwità fejn tkun bżonnha. Ma kienx jaraha bi kbira, bħal m’għamel fost drabi oħra fl-2003, isemmi l-passi lejn din il-viżjoni ta’ pajjiżna bħal dak kontroversajli tal-1972 f’Helsinki anke jekk dawn l-ewwel passi ma kienux minn Gvern li kien jappartjeni minnu hu.
Il-politika Mediterranja li ħaddan kienet frott il-kontinwità, u ftit hemm dubju li kienet frott il-ħbiberija magħrufa tiegħu mal-Prim Ministru Dom Mintoff, li kien il-pijunier ta’ din il-viżjoni għal pajjiżna.
Huwa għajb li spiss il-laqgħat ta’ bejniethom, li għandhom stat kważi mitoloġiku fil-politika Maltija, m’humiex dokumentati biżżejjed, tal-inqas minn dak li hu magħruf sa issa. Ovvjament, dawn il-laqgħat kienu sors ta’ kontroversji storikament riċenti. Iżda żgur ma jistgħux jiġu injorati.
Kien bniedem tan-nies li għex u ħadem qrib u għan-nies. Anke ma’ dawk li mhux dejjem ra għajn ma’ għajn magħhom. U dan fi żmien meta l-firda fostna kienet l-ordni tal-ġurnata.
In-nies li jagħmlu dan il-pajjiż kienu n-nifs għal Guido De Marco. Lil dan il-poplu kien jarah jgħix għal għada, li ma jibżax mill-ġejjieni. Għandu raġun. Kieku ma mxejnix b'pass imqanqal biex biddilna dan il-pajjiż. Guido de Marco jgħid li dan il-poplu jiddeċiedi l-ġejjieni tiegħu bil-ġenerazzjonijiet t’għada f'moħħu.
In-nies, għall-President de Marco, kienu s-sisien tad-demokrazija. Id-demokrazija li għalih kienet il-bażi tal-indipendenza tagħna l-Maltin. Demokrazija mibnija fuq konfront ta’ fehmiet politiċi li iżda meta diskussi liberament u mfissra onestament mhumiex firda iżda turija ta’ demokrazija b’saħħitha marbuta mas-sovranità tar-rieda tal-poplu.
Id-demokrazija għall-President de Marco ma kienetx tibda u tispiċċa fid-dibattiti parlamentari jew fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Kien iridha mħaddma sal-għeruq tas-soċjetà, sad-djalogu wkoll bejn l-imsieħba soċjali li d-diskussjonijiet bejniethom ifissirhom bħala espressjoni ta’ demokrazija għax jesprimu u jinfluwenzaw l-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet b’risq il-poplu. U tabilħaqq meta kien President ta’ Malta l-bibien ta’ San Anton kienu miftuħa għall-unions, anké meta ħaddieħor kellu l-bibien tiegħu magħluqin għalihom. Kien miftuħ ukoll għal min iħaddem biex jifhem iktar il-qagħdiet tas-setturi. Jisma’ u jagħrbel u jiddiskuti mhux għall-parenza imma biex jaġixxi fejn meħtieġ.
L-iżvilupp ekonomiku u soċjali emmen bis-sħiħ li kien il-qafas tal-iżvilupp tal-pajjiż. Ħaddem dan il-ħsieb kull fejn seta, inkluż meta kien Ministru għall-Affarijiet Barranin. Ix-xogħol u l-investiment għal pajjiżna kien jarahom bħala funzjoni integrali u essenzjali għad-diplomatiċi ta’ pajjiżna li riedhom jifirxu iktar id-dmirijiet tagħhom lil hinn mir-relazzjonijiet internazzjonali u jidħlu jippromovu l-interessi ekonomiċi ta’ Malta għall-ħolqien tax-xogħol f'pajjiżna.
Wieħed irid jgħid li bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżna Guido de Marco jibqa’ magħruf għax kien hu li fis-16 ta' Lulju 1990 kien daħħal l-applikazzjoni ta’ Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea - viżjoni li jistqar li ħadem għaliha għall-parti l-kbira ta’ ħajtu fil-politika.
Tajjeb li hawn jibqa’ mfakkar il-President Guido de Marco, maġenb il-qorti li ħadem fiha u ngħid ibbrilla fiha, fit-triq ewlenija tal-belt kapitali li tara eluf kuljum u fejn Guido De Marco min jaf kemm ra, waqaf, tkellem u sema’ nies, u qrib il-Palazz li għal snin sħaħ ħadem minnu bħala membru parlamentari: fejn min jaf kemm iddibatta, anki tmasħan imma min jaf kemm ħaddem il-politika tal-persważjoni.
Din hi l-memorja tal-President Guido de Marco.
Stqarrijiet Oħra:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043