STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
Is-sitwazzjoni dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku - Il-Gvern qed jevalwa l-orħos offerta
B’reazzjoni għal dak li qed jiġi rrapportat f’ċerti sezzjonijiet tal-midja dwar is-sussidju li se jingħata lill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku, il-Gvern ifakkar li bħalissa għaddejjin in-negozjati mal-operatur ippreferut u għaldaqstant ikun prematur li f’dan l-istadju, wieħed joqgħod jispekula dwar ċifri.
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qed jikkunsidra offerta li hija sostanzjalment orħos minn dawk li kellu quddiemu fl-offerti li tressqu minn kumpaniji oħrajn fl-espressjoni ta’ interess.
Il-kumpanija preċedenti kienet talbet lill-Gvern €45 miljun biex tkompli topera f’pajjiżna, iżda l-Gvern ma kellux l-obbligu li jħallas minn flus il-poplu għal servizz li ma kienx qed jingħata kif suppost.
L-għan tal-Gvern huwa li naslu biex ikollna servizz effiċjenti tat-trasport pubbliku li jaqdi sew il-bżonnijiet tan-nies, billi fost oħrajn jiżdied il-kilometraġġ biex ikopri aktar rotot, filwaqt li jitqies il-fatt li dan huwa servizz importanti ħafna għall-pajjiżna u li għandu dimensjoni soċjali. Għalhekk huwa importanti li jintlaħaq bilanċ bejn l-aspett ekonomiku u dak soċjali biex ma tkunx ripetuta l-istorja negattiva tal-Arriva.
Tajjeb wieħed ifakkar li dan il-Gvern wiret sistema fejn il-kumpanija preċedenti kienet diġà falluta. Għalkemm Gvern preċedenti kien żied is-sussidju lill-kumpanija sena wara sena, xorta s-servizz li kienet toffri ma kienx dak li jixraq lill-poplu. Barra minn hekk, is-sussidju jingħata fil-pajjiżi kollha fl-UE.
Il-Gvern preżenti ħadem biex filwaqt li salva mijiet ta’ impjiegi, li setgħu jintilfu mil-lum għal għada, żamm it-trasport pubbliku għaddej mingħajr ħafna skossi matul il-perjodu tranżitorju sakemm jidħol l-operatur il-ġdid.
Il-Gvern determinat jagħmel dak kollu possibbli biex is-servizz ikun wieħed vijabbli u fl-istess hin affordabbli minn kulħadd.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042