Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA JĦABBAR IL-ĦLAS TAĊ-CHILDREN’S ALLOWANCE QABEL JIFTĦU L-ISKEJJEL

pr141998
Date Icon 09/09/2014

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li, kif sar is-sena li għaddiet, l-allowance tat-tfal se terġa’ tingħata qabel jiftħu l-iskejjel, u dan se jibqa’ jsir ukoll fis-snin li ġejjin. Huwa qal li bħalissa għandna ’l fuq minn 43,000 familja jirċievu jirċievu din l-allowance li allura jfisser li qed igawdu minnha madwar 68,110 tifel u tifla. In-nefqa annwali f’Children’s Allowance bħal issa tlaħħaq madwar €43.5 miljun.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-iskop ta’ dan il-Gvern huwa li jkompli jaħdem biex isib metodi aħjar ta’ kif nistgħu ntejbu l-Allowance tat-Tfal biex b’hekk dawk l-aktar fil-bżonn jintlaqtu aħjar. Huwa qal li kien għalhekk li l-Gvern ħabbar li, minbarra l-Allowance tat-Tfal se jibda jagħti wkoll Supplimentari għat-Tfal, fejn l-ewwel żewġ ulied jirċievu €400 kull wieħed kull sena, waqt li għal kull wild ieħor joħroġ ħlas ta’ €200 fis-sena. Huwa stmat li n-nefqa totali fuq is-Supplimentari tat-tfal tista’ titla’ sa €9 miljuni.

Iżda sabiex dawn il-flus ikunu indirizzati kif xieraq, il-Ministru Michael Farrugia sostna li bi ftehim mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jiġi stabbilit li dan il-ħlas jitħallas fuq dawk l-ulied li jkunu attendew mhux inqas minn 95% tal-ġranet tal-iskola u fejn il-familja ma jkollhiex dħul ta’ aktar minn €11,000 fis-sena. Il-Ministru Michael Farrugia qal li ma’ dan qed jintrabat il-fattur li t-tfal ikunu qed jingħataw il-kura meħtieġa b’mod speċjali t-tilqim, kif suppost u fil-ħin.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-intenzjoni tal-Gvern hija l-ħarsien tat-tfal u l-futur tagħhom. Għalhekk, fejn qabel it-tfal setgħu jfallu tlitt ijiem skola fix-xahar mingħajr ma jagħmlu ċertifikat mediku, issa dan se jispiċċa, għaliex b’dik is-sistema tifel jew tifla setgħu jfallu madwar 27 ġurnata skola.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li dawn il-benefiċċji u miżuri qed isiru ħalli nevitaw milli naraw familji u tfal jaqgħu fir-riskju tal-faqar. Huwa qal li fl-aħħar tliet snin tal-amministrazzjoni preċedenti r-rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar telgħet minn 20.3% għal 23.1%, waqt li l-ammont ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar tela’ minn 82,000 għal 94,000 jew żieda ta’ 4,000 persuna fis-sena.

Bin-numru kbir ta’ miżuri li ttieħdu minn dan il-Gvern, fosthom ir-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, childcare b’xejn, ħlas ta’ stipendji anki lil dawk li jirrepetu għall-ewwel darba u għadd ta’ miżuri oħrajn, se jibdew joħorġu mir-riskju tal-faqar għadd ta’ familji oħrajn. Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-aħħar statistika tal-NSO turi li f’ċerti setturi diġà kien hemm titjib. Fost dawn, mill-2012 għall-2013 insibu li l-ġenituri waħidhom niżlu minn 48% għal 41%, l-anzjani romol minn 18% niżlu għal 16%, kif ukoll il-pensjonanti li minn 17% niżlu għal 15%. Iżda l-aktar ħaġa li turi kemm familji qed joħorġu mir-riskju tal-faqar huwa dak tad-dħul medju għal kull membru tal-familja Maltija li tela’ b’5.6% jew kważi €650 fis-sena, imqabbel mat-tliet snin ta’ qabel, meta ż-żieda kienet biss ta’ €315.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Qed naħdmu biex ikollna aktar riżorsi umani u l-aħħar teknoloġija biex intaffu l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni bil-Parkinson’s” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR262043

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

Aktar Stqarrijiet Right arrow