IMNIEDI SERVIZZ ĠDID TAL-IT GĦALL-AMMINISTRAZZJONI AĦJAR TAL-ĠUSTIZZJA
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda servizz ġdid tal-IT li għandu l-għan li jwassal għal proċeduri iktar spediti fil-Qrati u li tinqata’ l-burokrazija. Permezz ta’ dan is-servizz il-professjonisti legali u allura l-klijenti tagħhom se jkollhom aċċess online erbgħa u għoxrin siegħa kuljum għall-informazzjoni kollha dwar kull atti fil-Qrati Ċivili.
L-ewwel fażi tal-proġett se jkopri l-atti fil-Qorti Civili, kemm superjuri u kemm inferjuri, u se jkun qed jipprovdi mezz għall-professjonisti legali sabiex ifittxu l-atti u jaraw jekk l-att wasalx għand il-partijiet ikkonċernati. Il-funzjonalità se tkun estiża aktar biex jilqgħu għall-Mandati sa Diċembru ta’ din is-sena, bl-idea li dan is-servizz jittrasforma ruħu f’depożitorju online ta’ kull dokument li jeżisti fir-Reġistru Ċivili.
Dan is-servizz se jkun qed jiġi offrut lill-avukati, lill-prokuraturi legali u lin-nutara. Matul is-sena d-dieħla l-istess servizz se jkompli jiġi estiż billi l-avukati u l-prokuraturi legali jkunu jistgħu jaraw online l-atti li jkunu annessi ma’ każ bħalma huma d-digrieti u x-xhieda abbinati.
Dan għandu jgħin biex wieħed ma jkollux għalfejn joqgħod imur fir-reġistri tal-Qorti personalment fil-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru biex jagħmel il-verifiki tiegħu. Fil-fatt l-informazzjoni li tista’ tiġi aċċessata permezz ta’ dawn is-servizzi ġodda, qabel kienet aċċessibbli biss mir-Reġistru tal-Qrati u għalhekk kienet tinvolvi li l-professjonisti legali jkunu preżenti fiżikament fil-bini tal-Qrati.
Dan is-servizz huwa pass pożittiv ieħor fost sensiela ta’ inizjattivi oħra li diġà daħlu fis-seħħ bil-għan li jwasslu għat-titjib tas-servizzi pprovduti lill-professjoni legali bħala parti mir-riforma fil-ġustizzja.
Filfatt f’temp ta’ sena u nofs kien hemm propju xejn inqas minn 5 inizjattivi oħra li ġew implimentati u dawn jinkludu:
- digriet tal-Qorti jintbagħat awtomatikament permezz ta’ email lill-avukati u l-prokuraturi legali tal-partijiet,
- traskrizzjoni tax-xhieda li wkoll tinbagħat permezz ta’ email lill-avukati u prokuraturi legali tal-partijiet;
- servizz ieħor li meta kawza ċivili ma tkunx se tinstema’ jintbagħat SMS lill-partijiet biex ma joqgħodux jitilgħu l-Qorti
- Il-preżentata tal-atti li issa tista’ ssir kemm fir-reġistru ta’ Malta u kemm f’dak ta’ Għawdex
- L-avukati u l-prokuraturi legali jiġu notifikati permezz ta’ email jekk att li jkun ħareġ għan-notifika jkunx ġie notifikat jw le
Is-servizz kien iddisinjat u żviluppat mill-MITA, u jagħraf il-bżonnijiet tal-professjonisti li għandhom bżonn li l-informazzjoni tkun aċċessibbli minn kullimkien.
Dan is-servizz hu aċċessibbli fuq l-internet u jiffunzjona tajjeb ukoll fuq mezzi differenti li jvarjaw minn PC, tablets kif ukoll smart phones.
Intant is-servizz il-ġdid jista’ jiġi aċċessat minn https://justice.gov.mt u dawk interessati li jagħmlu użu minnu jistgħu jirreġistraw għal dan is-servizz minn https://mygov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042