ĦIDMA MILL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA FIT-TURKIJA
Filwaqt li l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia kien qed jipparteċipa fil-5th International Social Security Symposium fi Trabzon, it-Turkija, huwa kellu laqgħa siewja mad-Deputat Ministru tax-Xogħol u Sigurtà Soċjali tat-Turkija, Halil Etyemez.
Fil-laqgħa ż-żewġ naħat tkellmu dwar is-suġġetti mqanqla f’dan is-simpożju, b’referenza partikulari għas-sfidi fiż-żewġ pajjiżi u t-triq ’il quddiem, u l-miżuri meħtieġa, sabiex ikollna soċjetà aktar ġusta u inklussiva.
Il-Ministru Michael Farrugia tkellem dwar il-ħtieġa tal-għaqdiet volontarji fil-qasam soċjali, il-bżonn li niġġieldu l-frodi u naraw li aktar nies ikunu f’impjieg sabiex insostnu s-servizzi u l-benefiċċji soċjali. Huwa fisser ukoll il-ħtieġa li l-pajjiżi Ewropej jibnu rabtiet ma’ xulxin biex jinkisbu riżultati aħjar fir-riċerka, innovazzjonijiet ġodda fis-settur soċjali u setturi oħrajn bit-tama li nkomplu naqsmu l-esperjenzi miksuba.
Il-Ministru Farrugia u d-Deputat Ministru Etyemez ħarġu bil-fehma li l-pass li jmiss għandu jkun li uffiċjali tas-Sigurtà Soċjali jżuru ż-żewġ pajjiżi rispettivi biex jaraw b’għajnejhom stess il-ħidma li qed issir f’dan il-qasam kemm f’Malta kif ukoll fit-Turkija. Hawn, id-Deputat Ministru Etyemez qal li, b’kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi, il-progress jitħaffef għaliex wieħed jitgħallem minn dak li jkun qed jagħmel l-ieħor.
Il-Ministru Michael Farrugia ppropona biex flimkien, iż-żewġ pajjiżi, jaħdmu sabiex jitħejja Memorandum of Understanding fil-qasam soċjali. Id-Deputat Ministru tat-Turkija laqa’ b’sodisfazzjon din l-offerta u wiegħed li flimkien mal-Ministru tax-Xogħol u Sigurtà Soċjali Faruk Celik se jaħdem biex dan l-iskop jintlaħaq. Huwa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin iż-żewġ Ministeri se jgħaddu l-proposti lil xulxin bit-tama li dan il-ftehim jintlaħaq fl-iqsar żmien possibbli.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042