ALLOKATI €275,000 MILL-GRUPP AZZJONI LOKALI XLOKK SABIEX JIĠU MTELLGĦA 10 ATTIVITAJIET EDUKATTIVI U KULTURALI FIR-REĠJUN TAX-XLOKK
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg attenda konferenza stampa sabiex jiġu mħabbra l-attivitajiet marbuta mal-iljieli Skalin li ser ikunu organizzati mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn nhar is-Sibt 6 ta’ Settembru mis-7.30pm ‘il quddiem ħdejn it-Torri ta’ San Tumas, torri li għadu kemm ġie restawrat permezz ta’ Fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej qal li dawn l-attivitajiet ser ikunu ffinanzjati permezz tal-Programm Leader wara sejħa maħruġa mill-Grupp Azzjoni Lokali Xlokk b’valur ta’ €275,000 u li l-għan tagħha huwa li jkunu organizzati avvenimenti edukattivi u kulturali mill-kunsilli lokali fir-reġjun tax-Xlokk ta’ Malta. Dr Borg ħabbar li l-għaxar Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn din l-iskema huma ta’ Wied il-Għajn, Ħal Qormi, Ħal Kirkop, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, Ħal Luqa, il-Qrendi, Ħaż-Żabbar, Ħal Għaxaq u Ħal Safi. L-attivitajiet ser isiru kollha bejn Settembru 2014 u Mejju 2015. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li l-objettivi ta’ dawn l-attivitajiet edukattivi u kulturali huma:
- sabiex tiġi msaħħa l-identità tar-reġjun.
- sabiex jiġu attirati aktar turisti lejn dawn il-lokalitajiet.
- sabiex tiġi kreata niċċa ġdida ta’ turiżmu f’dan ir-reġjun.
Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja li waqt l-intervent tiegħu qal li l-attivitajiet marbuta mal-iljieli Skalin ħa jkunu jikkonsistu f’diversi re-enactments fosthom tar-rebħa tal-Gran Mastru La Vallette u tar-rebħa tal-waqgħa tat-Torri ta’ San Tumas mill-Franċiżi. Ser ikun hemm ukoll diversi esebituri tal-artiġġjanat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042