Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI JŻUR PROGRAMM TAL-LITTERIŻMU GĦALL-FAMILJI FIL-JUM INTERNAZZJONALI TAL-LITTERIŻMU

pr141974mt
Date Icon 05/09/2014

Il-Ministru Evarist Bartolo żar sessjoni ta’ Programm tal-Litteriżmu għall-Familji li qiegħed isir iż-Żejtun. Dan il-programm popolari “Aqra Miegħi/Read with Me” huwa maħsub għal trabi u tfal ċkejknin minn 0 sa 3 snin u l-ġenituri tagħhom jew min jieħu ħsiebhom. Il-programm qiegħed isir    bil-għan li jitħeġġeġ il-litteriżmu mis-snin bikrin u tissaħħaħ l-edukazzjoni tal-ġenituri. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qiegħed jorganizza dawn is-sessjonijiet bi sħab maċ-Ċentru tal-Litteriżmu tal-Università ta’ Malta.

L-oġġettiv ewlieni tal-programm hu li tixtered l-imħabba lejn il-kotba billi jsiru attivitajiet ta’ qari ferreħija mat-tfal u l-ġenituri tagħhom jew min jieħu ħsiebhom. Dawn is-sessjonijiet ta’ siegħa-il waħda jsiru darba fil-ġimgħa u huma bla ħlas. Fihom jinqraw stejjer b’mod animat, jitkantaw għanjiet u taqbiliet popolari, u jsiru attivitajiet pjaċevoli u interattivi ta’ litteriżmu u numeriżmu. Is-sessjonijiet iħarrġu lill-ġenituri kif jgħinu lit-tfal tagħhom jiżviluppaw il-ħiliet tal-qari u l-litteriżmu, u qegħdin isiru apposta f’libreriji pubbliċi jew libreriji tal-klassi jew ċentri tat-tfal. L-attivitajiet jitmexxew minn koordinaturi mimlijin ħeġġa li tħarrġu apposta kif jinvolvu fis-sessjonijiet, kemm lit-tfal kif ukoll lill-adulti li jmorru magħhom għas-sessjoni. Fis-sessjonijiet jintużaw kotba kbar u kkuluriti bil-Malti u l-Ingliż, sponsorjati mill-BOV, li jogħġbu kemm lit-tfal kif ukoll lill-kbar.

Bħalissa s-sessjonijiet bil-Malti qegħdin isiru l-Mellieħa, Ħal Qormi, Ħal Għaxaq, San Pawl il-Baħar, Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid, l-Imġarr, Ħad-Dingli u fil-Ġonna ta’ Sant’ Anton. Is-sessjonijiet bl-Ingliż qegħdin isiru l-Mellieħa, iż-Żurrieq, il-Qawra, il-Kalkara, Bormla, iż-Żejtun, Wied il-Għajn, Birkirkara, l-Għarb, Għawdex u l-Ġonna ta’ Sant’ Anton.

Il-Ministru Bartolo tkellem ma’ dawk preżenti fuq it-tema tal-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu għal din is-sena li hija “Il-Litteriżmu u l-Iżvilupp Sostenibbli”. Biex l-iżvilupp ikun sostenibbli, in-nies irid ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jaċċessaw l-informazzjoni. B’litteriżmu nifhmu tagħlim kontinwu li jwassal biex kull individwu jkun jista’ jilħaq l-aspettattivi tiegħu, jiżviluppa t-talenti tiegħu, iżid l-għarfien fuq firxa kbira ta’ oqsma u jipparteċipa b’mod sħiħ fil-komunità u s-soċjetà inġenerali. Biex il-litteriżmu jirnexxi kull min hu involut irid jagħti s-sehem tiegħu. Il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal għandhom irwol kruċjali fl-iżvilupp bikri tal-litteriżmu. L-ewwel togħma tal-qari trid tingħata lit-trabi fid-dar qabel it-tfal jibdew imorru l-iskola. L-attivitajiet ta’ qari bil-Malti u bl-Ingliż li jsiru mill-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal fid-djar iwittu t-triq għall-kisba tal-ħiliet meħtieġa tal-litteriżmu. Il-Ministru Bartolo feraħ lill-Iskola Primarja taż-Żejtun għall-programmi edukattivi li qiegħda tħaddem mat-tfal biex jitgħallmu jippreżentaw ruħhom u jitħaddtu fuq suġġetti differenti bl-Ingliż.

Għall-aktar informazzjoni: http://aqrastorja.skola.edu.mt/?page_id=314

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Qed naħdmu biex ikollna aktar riżorsi umani u l-aħħar teknoloġija biex intaffu l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni bil-Parkinson’s” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR262043

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

Aktar Stqarrijiet Right arrow