IKOMPLI T-TITJIB FIL-QASAM TAX-XOGĦOL F’PAJJIŻNA
Wara l-konferma li Malta għandha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa u l-inqas rata ta’ qgħad reġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika, illum tħabbru riżultati pożittivi oħra mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
F’Lulju 2014 kien hemm 6,834 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, tnaqqis ta’ 464 persuna, jew 6.4% anqas, mit-total li kienu qed jirreġistraw fl-istess xahar tal-2013. Mill-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena, pajjiżna ra tnaqqis ta’ kważi elf persuna jirreġistraw, jew ħames persuni inqas kuljum.
Meta bdiet l-amministrazzjoni preżenti, kien hemm 7,279 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad. Fi 17-il xahar, dan l-ammont naqas bi kważi 450 persuna jew 6%. B’kuntrast, matul l-aħħar 17-il xahar tal-amministrazzjoni preċedenti, kien hemm żieda ta’ 725 persuna, jew 11%, fuq ir-reġistru tal-qgħad. Dan juri kemm kienet qawwija u pożittiva l-bidla fid-direzzjoni li ġabet magħha l-amministrazzjoni ġdida.
Il-familji Għawdxin huma fost l-aktar li qegħdin jibbenifikaw mill-politika ekonomika ġdida tal-Gvern. Filwaqt li matul l-aħħar 17-il xahar tal-amministrazzjoni preċedenti, in-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw kien tħalla jikber bi 8%, matul l-ewwel 17-il xahar tal-amministrazzjoni l-ġdida kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 4%.
Filwaqt li l-qgħad naqas fost kull kategorija ta’ età, l-akbar titjib kien fost iż-żgħażagħ, bi tnaqqis mill-bidu ta’ din il-leġislatura ta’ kważi 240 persuna qiegħda fost dawk taħt il-25 sena, jew 21% anqas.
Fost dawk li l-aktar isibu diffikultà biex jiksbu impjieg, in-nies qiegħda li għandhom aktar minn 45 sena, fl-ewwel 17-il xahar ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm tnaqqis ta’ 120 persuna, jew 4%. Anke fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena, kategorija oħra żvantaġġata fis-suq tax-xogħol, beda jkun hemm titjib. Matul l-aħħar sitt xhur fil-fatt kien hemm tnaqqis ta’115 persuna, jew titjib ta’ 3.5%.
Fix-xhur li ġejjin, fosthom permezz tal-miżuri fil-Budget li jmiss, il-Gvern ser ikun qiegħed jieħu aktar passi biex ikompli jonqos il-qgħad f’pajjizna billi jinħolqu postijiet ġodda tax-xogħol li joffru karrieri ta’ sodisfazzjon għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042