IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DR.GEORGE W.VELLA F’LAQGĦA MAL-KUMMISSARJU EWROPEW GĦALL-IMMIGRAZZJONI U L-INTERN CECILIA MALMSTROM
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr.George Vella qal lill-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Intern, Cecilia Malmstrom li l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari m’għadiex biss dik ta’ l-ammonti kbar li jaslu f’pajjiżna, u l-aspett umanitarju biss, iżda issa saret ukoll problema ta’ sigurtà, fid-dawl tat-theddida serja li teżisti mill-estremisti bħall-ISIS. Kien għal dan il-għan li Dr.Vella saħaq mal-Kummissarju Ewropew Malmstrom għal aktar għajnuna strutturata biex l-immigranti li jaslu Malta jiġu eżaminati bl-aktar mod serju u malajr minħabba t-theddida ta’ sigurtà li possibilment jistgħu iġibu lejn pajjiżna.
Il-Ministru Vella qal li Malta huwa pajjiż ċkejken li ma jiflaħx għall-ammonti kbar ta’ immigranti li deħlin permezz tal-baħar u spjega kif pajjiżna ma jistax ikompli jerfa’ dan il-piż. Qal ukoll li l-Gvern Malti irid li bl-appoġġ kif mistenni mill-Unjoni Ewropea, dawn l-immigranti jingħataw id-dinjità tagħhom u jsibu modi kif itejjbu s-sitwazzjoni tal-għixien tagħhom, possibilment fl-Ewropa li ħolmu li jagħmlu futur fiha.
Min-naħa tagħha il-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom qalet li tifhem il-punti li ressaq il-Ministru Vella u li f’dan l-isfond diġa’ saru taħdidiet fl-Unjoni Ewropea bil-għan li uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni jaraw kif se jieħdu f’pajjiżhom numru akbar ta’ immigranti. Semmiet l-programm Mare Nostrum li rnexxielu jilħaq l-għanijiet tiegħu iżda li issa huwa f’idejn l-Presidenza Taljana dwar jekk dan il-programm għandux jibqa’ għaddej jew le. Fuq dan il-punt il-Ministru Vella qal li dan il-programm kien qed jiswa lill-qawwa navali Taljana għaxar miljun ewro fix-xahar, liema somma hija diffiċli ħafna li l-Italja tkompli terfa’ waħidha.
Waqt il-laqgħa il-Kummissarju Ewropew Malmstrom wegħdet lill-Ministru Vella li l-Unjoni Ewropea se tkompli tassisti lil Malta f’din l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari, kemm anki mil-lat finanzjarju kif ukoll possibilment b’tibdil fir-regolamenti.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042