JITTELLGĦU L-POLOZ TAR-REGATTA TA’ JUM IL-VITTORJA
Fil-jiem li għaddew, fil-baċir li għadu kemm ġie inawgurat f’Bormla, waqt konferenza tal-aħbarijiet ttellgħu l-poloz tar-Regatta ta’ Jum il-Vittorja. Il-Port il-Kbir għal darb’oħra ser joffri sfond għal din ir-regatta li fiha ser jieħdu sehem 7 distretti li huma: il-Birgu, Birżebbuġa, Bormla, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa u Marsamxett. Huma jipparteċipaw f’għaxart itlielaq f’żewġ kategoriji differenti; A u B. Din is-sena mistennija jieħdu sehem 120 qaddief li magħhom jiżdiedu 25 sostitut li għandhom għan komuni, li huwa dak li jirbħu s-shield tar-regatta ta’ Jum il-Vittorja.
Tradizzjonalment, id-dgħajjes li jintużaw humafrejgatini,kajjikki, dgħajjes tal-pass u tal-midalji. Dawn id-dgħajjes huma esebizzjoni ħajja ta’ sengħa li kull ma tmur qiegħda tintilef. Dan għaliex dawn id-dgħajjes huma wkoll mibnija f’pajjiżna. Oriġinarjament, id-dgħajjes kienu tal-istess għamla bħal dawk li kienu jintużaw fil-ħidma ta’ kuljum mill-barklori, madanakollu maż-żmien saru xi modifikazzjonijiet sabiex dawn ikunu aktar utilizzati bħala dgħajjes tat-tlielaq.
Minbarra l-poloz tal-korsiji għall-10 itlielaq, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet indirizza lil dawk preżenti, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius, li sostna li għandu diversi proposti sabiex ir-regatta issir waħda aktar popolari. Fost l-oħrajn li jitnaqqas il-ħin għaliex ħames siegħat huma wisq għall-attività sportiva u li fil-ġurnata tar-regatta ma jkun hemm l-ebda attività sportiva oħra. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li għalkemm il-pika sportiva hija waħda importanti, jiddeplora inċidenti li jistgħu jinqalgħu kemm bejn il-qaddiefa u anke bejn il-partitarji.
Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport li fakkar il-memorja ta’ Teddie Borg; personaġġ sinonimu mal-isport tal-baħar u anke mar-regatta. Huwa kompla jgħid li għalkemm dan huwa avveniment tradizzjonali, wieħed irid jifhem li l-qaddiefa huma wkoll atletli li jagħmlu sagrifiċċji sabiex jipprattikaw din id-dixxiplina.
Waqt il-konferenza tkellmu wkoll Mark Cutajar rapreżentant tal-KMS u s-Segretarju tal-Għaqda Regatta Nazzjonali Anthony Caruana. Intant ir-Regatta ta’ Jum il-Vittorja pjanata li tibda fis-1.00pm u l-pjazzament tal-korsiji ser ikun kif ġej:
Distretti | Birgu | B’buġa | Bormla | Isla | Kalkara | Marsa | M’mxett | ||
No | Tiġrija | Kat | |||||||
1 | Dgħajjes (C) – Tal-Pass b’żewġ imqadef | B | 2 | 3 | 5 | 4 | 1 | 7 | 6 |
2 | Dgħajjes (A) – Tal-Midalji b’erba’mqadef | A | 2 | 4 | 5 | 3 | 1 | 6 | 7 |
3 | Kajjikki b’żewġ imqadef | B | 5 | 1 | 3 | 7 | 6 | 2 | 4 |
4 | Frejgatini b’żewġ imqadef u tmunier | A | 7 | 5 | 4 | 1 | 3 | 6 | 2 |
5 | Dgħajjes (A) – Tal-Midalji b’erba’mqadef | B | 6 | 3 | 1 | 5 | 7 | 4 | 2 |
6 | Dgħajjes (C) – Tal-Pass b’żewġ imqadef | A | 6 | 7 | 1 | 5 | 3 | 2 | 4 |
7 | Frejgatini b’żewġ imqadef u tmunier | B | 5 | 7 | 2 | 6 | 1 | 4 | 3 |
8 | Kajjikki b’żewġ imqadef | A | 1 | 7 | 6 | 5 | 2 | 3 | 4 |
9 | Dgħajjes (B) – Tal-Pass b’erba’ mqadef | B | 7 | 2 | 1 | 4 | 3 | 5 | 6 |
10 | Dgħajjes (B) – Tal-Pass b’erba’ mqadef | A | 1 | 5 | 6 | 7 | 3 | 4 | 2 |
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042