FESTIVAL B’DIFFERENZA F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo kien preżenti waqt it-tnedija tal-festival Sunscape – Music, Art, Lifestyle organizzat minn Provoque Group. Dan il-festival se jsir bejn il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru u t-Tnejn 8 ta’ Settembru fir-Ramla l-Ħamra. Festival ta’ dan it-tip qed isir għal ewwel darba fil-gżejjer tagħna.
Il-bajja pittoreska tar-Ramla l-Ħamra se sservi ta’ sfond għal din l-attività ta’ xeħta oriġinali. Se tkun esperjenza għad-dilettanti tal-mużika, b’taħlita t’arti u lifestyle activities ibbażati fuq l-ispiritwalità, l-imħabba lejn l-ambjent u l-ispirtu ta’ komunità.
Għal ewwel darba fi xtutna, DJ magħruf sew fix-xena tal-mużika internazzjonali Mr Scruff, se jdoqq flimkien ma’ artisti rinomati oħra fosthom M.A.N.D.Y., Sebo K, Rodriguez Jr u Pig & Dan. Se jinkludi sessjonijiet fost l-oħrajn ta’ yoga, body painting, u introduzzjoni għall-fotografija diġitali, li se tgħin lill-parteċipanti jaħkmu l-ambjent tal-inħawi ta’ din il-bajja.
Il-Ministru Refalo qal li Għawdex fl-uniċità tiegħu, joffri prodott turistiku distint li jippermetti li l-gżira tiġi promossa bħala destinazzjoni turistika fiha nnifisha. Karatteristiċi uniċi tal-gżira Għawdxija bħall-identità kulturali, l-ambjent u l-pajsaġġ rurali huma fatturi li jagħmlu din il-gżira differenti. Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem bi sħiħ biex lil din il-gżira joffrilha inizjattivi innovattivi li jiffukaw fuq l-elementi uniċi tagħha. Il-ħidma tal-Gvern hija ffukata fuq tliet binarji: biex tingħata promozzjoni effettiva li għandha twassal sabiex iktar turisti jiġu mħajra biex jaqsmu lejn Għawdex waqt iż-żjara tagħhom fil-gżejjer Maltin; li dawn l-istess turisti jqattgħu iktar iljieli f’Għawdex; u sabiex jiġu attirati turisti speċifikament fil-ġżira Għawdxija.
Attivitajiet b’inizjattivi li jippromovu lil Għawdex huma dejjem minn tal-ewwel nett fuq l-aġenda tal-Ministeru għal Għawdex. Għawdex irid jilħaq il-miri tiegħu fejn jidħol turiżmu, turiżmu sostenibli biex b’hekk jiġu milħuqa l-miri ta’ gżira ekoloġika. Il-Ministeru jappoġġja din l-inizjattiva u anke inizjattivi oħra li jgħinu biex aktar Maltin u anke turisiti jżuru lil Għawdex.
Il-Ministru Anton Refalo awgura kull suċċess u rringrazzja lill-organizzaturi tal-impenn biex festival bħal dan isir. Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem kontinwament biex jixpruna lil Għawdex biex ikun aktar attraenti kemm għall-Għawdxin kif ukoll għall-Maltin u għat-turisti.
Aktar informazzjoni tinstab fuq il-website www.sunscapefestival.eu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042