IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIBDA JIDDISKUTI D-DOKUMENT TA’ QABEL IL-BUDGET
Il-Mira tal-budget hu li joħloq opportunitajiet ta’ xogħol u jnaqqas id-dipendenzi
Bdiet id-diskussjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar id-dokument ta’ qabel il-budget.
F’kummenti li għamlet fil-bidu tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li d-dokument ikompli jibni fuq it-tema tal-budget tas-sena li għaddiet filwaqt li jara li jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għal dawk li ma jaħdmux.
“Din għandha sservi ta’ għodda biex pajjiżna jkompli jirreġistra tkabbir ekonomiku u biex tkun aċċertata s-sostenibilità tal-qafas soċjali”, qalet il-Ministru Dalli.
Fi preżentazzjoni li ta, il-Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna semma’ kif il-Gvern huwa sodisfatt bl-andament ekonomiku li rnexxielu jirreġistra pajjiżna sal-lum, b’parti sostanzjali minnu huwa dovut għall-kontribut li qed jagħti s-settur privat.
“Dan jikkonferma li l-istrateġija użata mill-Gvern għat-tkabbir ekonomiku qiegħda taħdem” qal il-Ministru Scicluna.
Huwa fisser kif il-Gvern ma jista’ qatt jinjora s-sostenibilità fiskali u l-miri għat-tnaqqis tad-defiċit iridu jintlaħqu, bil-Gvern iżomm il-mira tad-defiċit fil-livell ta’ 2.1%.
Il-Ministru tal-Finanzi qal li dawk il-miżuri li ġew applikati din is-sena mill-Gvern biex jinċentivaw lin-nies jerġgħu jsiru attivi fid-dinja tax-xogħol, issa jridu jkunu applikati fis-settur soċjali sabiex fost l-oħrajn jonqos il-faqar.
“Dan jassigura li ma jkunx hemm dipendenzi”, qal il-Ministru tal-Finanzi.
Dwar il-qgħad, il-Ministru Scicluna qal li din is-sena r-rata se tkun aktar baxxa minn dik proġettata, b’ċifra li tammonta għal 5.6%, filwaqt li t-tieni kwart tas-sena irreġistra tkabbir ekonomiku aħjar minn dak ta’ sena ilu.
Anke fejn tidħol ir-rata ta’ nies jaħdmu, din se tkun irreġistrat żieda ta’ 4 punti perċentwali minn 58% erba’ snin ilu, għal 62% din is-sena.
Il-Ministru tal-Finanzi Prof. Edward Scicluna enfasizza li l-mira tal-budget se tkun li jinkoraġġixxi lin-nies biex ma jibqgħux dipendenti fuq il-benefiċċji billi joħloq l-opportunitajiet adatti għalihom.
Iċ-Chairman tal-MCESD John Benċini spjega kif din hija l-ewwel laqgħa tal-MCESD dwar id-dokument ta’ qabel il-budget, bit-tieni waħda hija skedata għall-24 ta’ Settembru, fejn dakinhar, l-MCESD se jkun qed jiddiskuti l-proposti li se jressqu l-imsieħba soċjali.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042