RAZZETT STORIKU FIL-BUSKETT SE JIBDA JINTUŻA BĦALA ĊENTRU GĦALL-INFORMAZZJONI EDUKATTIVA B’FONDI EWROPEJ - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Ir-razzett storiku magħruf bħala r-Razzett tal-Għorof fil-Buskett se jibda jintuża bħala Ċentru għall-Informazzjoni Edukattiva b’Fondi Ewropej.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat dalgħodu fil-Buskett, fejn żar ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin taħt is-superviżjoni tad-Direttorat tal-Parks.
Ix-xogħol li qed isir jinkludi tiswija ta’ ħitan perikolużi u li ma kienux stabbli strutturalment, li jinkludu wkoll soqfa tal-konkos, flimkien ma’ tħaffir u bini mill-ġdid ta’ pedamenti b’konkos rinfurzat.
Dan flimkien ma’ restawr u tiswija ta’ ħitan antiki, tqegħid mill-ġdid ta’ soqfa magħmulin minn xorok u kileb skont kif kienet is-sengħa antika, u anki tikħil b’kimika apposta fuq il-ħitan ta’ ġewwa u ta’ barra.
Xogħlijiet oħra jinkludu t-twaħħil ta’ aperturi ġodda fuq il-parti interna u esterna tal-binja, sistema ġdida tad-dawl u tal-ilma u tqegħid ta’ madum mal-binja kollha.
Il-Ministru Brincat tenna li dan mhuwiex razzett kwalunkwe iżda huwa razzett storiku li jaf l-oriġini tiegħu għaż-żmien il-Gran Mastru Lascaris bejn is-snin 1636-1657.
Pjanti antiki ta’ dak iż-żmien juru li dan kien wieħed minn erbgħa rziezet mibnija fil-Buskett.
Il-Ministru Brincat qal li la jkun lest il-bini, se joffri spazju għall-uffiċini u sala għall-konferenzi ta’ daqs medju.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042