SE JIBDEW JITTIEĦDU L-MIŻURI TEMPORANJI TA’ MITIGAZZJONI FL-ISPTAR MATER DEI
Fl-aħħar sigħat saru magħrufa r-riżultati tat-tielet sett ta’ testijiet li saru fuq il-kolonni tal-concrete u li kkonfermaw ir-riżultati tal-ewwel tnejn. Mit-testijiet li saru rriżulta li l-concrete li ntuża f'ċerti kolonni ma kienx b'saħħtu biżżejjed u li kien ta' kwalità ferm inferjuri.
Is-sigurtà tal-pazjenti u l-ħaddiema tibqa prijorità u abbażi ta’ dawn l-aħħar riżultati, minn din il-ġimgħa, se jibdew jittieħdu mizuri temporanji ta’ mitigazzjoni fuq kolonni li l-concrete tagħhom instab li huwa dgħajjef. Bħala parti minn din il-ħidma se jkunu qed jitpoġġew strutturi temporanji li jsaħħu l-istruttura. Ix-xogħol se jsir din il-ġimgha.
Bord ta’ Inkjesta
Din il-ġimgħa se jkun qed jitwaqqaf bord ta’ inkjesta esterna li se jkollu r-rwol li jistabbilixi l-fatti u t-timeline ta’ kif seħħew l-affarijiet.
Dan il-Bord se jkun qed janalizza l-liabilities kriminali u ċivili li rriżultaw minn dak li ġara. Se jkun ukoll qed jikkopera u jagħti informazzjoni lill-pulizija u jaħtar l-esperti tekniċi fejn meħtieġa.
Din hija parti mill-ħidma tal-Gvern biex jiġu stabbiliti l-fatti ta’ x’ġara fil-passat fil-binja tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Il-Gvern se jkun qed jitlob li tinġarr kemm ir-responsabbilità politika kif ukoll ir-responsabbilità teknika u kummerċjali.
Aktar Testijiet Dettaljati
Se jsir site survey dettaljat tal-Emerġenza kif ukoll analizi fuq l-isptar kollu.
Fil-fatt diġà saru diskussjonijiet inizjali biex titqabbad kumpanija barranija li tispeċjalizza f’dan il-qasam.
Sit Alternattiv
Fl-istess waqt bdiet diġà l-ħidma biex jiġi identifikat sit alternattiv biex ma jintilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-bini tal-wards ġodda.
Trasparenza u Informazzjoni
Il-Gvern se jibqa’ jagħti l-informazzjoni kollha lill-pubbliku u lill-unions.
Is-sigurtà hija prijorità u kemm il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne huma kommessi li jieħdu deċiżjonijiet għaqlin abbażi tal-informazzjoni li qed tinġabar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042