IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DR GEORGE VELLA FI ŻJARA FIL-MOLDOVA
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George Vella jinsab fi żjara fil-Moldova fejn kellu laqgħat mad-deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Moldova Natalia German. Il-laqgħat kellhom xejra informali u fihom ġew diskussi aspetti ta’ relazzjonijiet li l-Moldova qed tiżviluppa mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll relazzjonijiet bilaterali bejn il-Moldova u Malta.
Fit-taħdidiet spikkaw it-tħassib li hemm fil-Moldova dwar dak li qed jiġri fil-pajjiżi ġirien bħall-Ukraina, u dwar x’effett dan jista’ jkollu fuq relazzjonijiet futuri bejn Russja, Moldova u l-Unjoni Ewropea.
Aktar tard il-Ministru kellu laqgħa formali fir-residenza tal-President tal-Parlament tal-Moldova Igor Corman li huwa l-iSpeaker tal-Kamra tad-deputati tal-Moldova. Fil-laqgħa kienu diskussi wkoll l-iżviluppi li għaddejjin fit-tqarrib tal-Moldova lejn l-Unjoni Ewropea permezz tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-iżvilupp ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn Moldova u l-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa wkoll ġew diskussi x-xenarji differenti li jistgħu jiżviluppaw fosthom fir-rigward tal-fatt li f’Novembru se jsiru elezzjonijiet ġenerali fil-Moldova li jista’ jkollhom effett fuq liema direzzjoni jixtieq jieħu l-poplu tal-Moldova, jekk hux qrib lejn l-Unjoni Ewropea jew lejn ir-Russja. Waqt il-laqgħa ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali u miżuri li bihom pajjiżna jista’ jgħin lill-Moldova fl-isfond li għada se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern tal-Moldova u l-Gvern Malti dwar kooperazzjoni fil-qasam ta’ ‘digital government’.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042