MALTA BL-INQAS RATA TA’ QGĦAD MINDU L-EUROSTAT BDIET TIĠBOR DIN L-ISTATISTIKA
F’Lulju li għadda, għat-tieni xahar konsekuttiv, pajjiżna kellu rata ta’ qgħad ta’ 5.7%; l-inqas rata qatt irreġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika mill-Eurostat. Dan huwa d-disa’ xahar konsekuttiv li fih pajjiżna kellu tnaqqis fir-rata tal-qgħad.
Riżultat ta’ dan, pajjiżna issa għandu t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-qgħad huwa inqas minn Malta biss fl-Awstrija u l-Ġermanja.
Skond il-Eurostat, minn Ottubru ‘l hawn, in-numru ta’ nies ifittxu xogħol f’Malta naqas b’aktar minn elfejn persuna. Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ukoll baqgħet relattivament baxxa, tant li hija l-ħames l-inqas fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u hija inqas minn terz ta’ dik irreġistrata fil-pajjizi ġirien tagħna.
Sa ftit xhur ilu, esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni kienu qed ibassru li Malta kienet qed tiffaċċja kriżi fil-qasam tal-impjiegi, tant li kienu bassru li r-rata tal-qgħad f’Malta kienet dalwaqt se tiżboq it-8%.
L-istatistika ppublikata mill-Eurostat tindika bl-aktar mod ċar kemm it-tbassir ekonomiku tal-Oppożizzjoni kien żbaljat u maqtugħ mir-realtà. Pajjiżna mhux talli mhux qed jiffaċċja kriżi f’dan il-qasam imma, bħalma qed jiġri f’oqsma oħra, qed jiġi minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi Ewropej.
Minbarra li Malta għandha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad, fil-jumejn li għaddew ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Kummisjoni Ewropea urew kif Malta għandha t-tieni l-aqwa rata ta’ tkabbir ekonomiku u l-aqwa livell ta’ kunfidenza ekonomika fost l-azjendi u l-konsumaturi.
Waqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tgħid li pajjiżna jinsab f’morsa ekonomika, l-fatti kollha jikkonfermaw kemm dan il-Gvern qed jieħu miżuri li jistimulaw l-ekonomija, jinċentivaw il-ħolqien tal-impjiegi, u joħolqu klima ta’ serħan il-moħħ għal min irid jinvesti. Din il-bidla pożittiva qed tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042