Left arrow Mur Lura

RESTAWR TAL-PJAZZA TA’ GĦAJNSIELEM BIL-GĦAN LI TKOMPLI TITJIEB IL-KWALITÀ TAL-IRĦULA U JIŻDIED IT-TURIŻMU RELIĠJUŻ F’GĦAWDEX

pr141911
Date Icon 29/08/2014

“Il-gvern hu u se jibqa’ impenjat li jaħdem ma’ entitajiet varji tal-knisja biex jagħtihom appoġġ fil-ħidma li qegħdin iwettqu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ tant persuni”. Qal dan il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo wara li ntlaħaq ftehim mal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loretu ta’ Għajnsielem fejn il-Ministeru ta’ Għawdex ta għotja sostanzjali biex isir restawr fuq iż-żuntier u l-pjazza. Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qiegħed jiffinanzja l-materjal neċessarju għal dan il-proġett li jiswa madwar €106,000.

Il-Ministru għal Għawdex qal li dan il-ftehim intlaħaq f’perjodu partikolari meta l-Parroċċa Madonna ta’ Loretu qegħda tfakkar il-ħamsa u għoxrin sena mill-konsagrazzjoni tal-Knisja Arċipretali.

Għal dawn l-aħħar snin saru tentattivi biex jintlaħaq ftehim kif se tkun restawrata waħda mill-isbaħ pjazez li hawn fil-gżejjer Maltin.  Il-pjazza ilha fi stat mhux daqstant tajjeb għal dawn l-aħħar snin. Taħdidiet kordjali mal-Kurja ta’ Għawdex wassal għal dan il-ftehim.  Il-Ministru Anton Refalo fakkar l-impenn tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech biex sar dan il-ftehim.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal hu fittex dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred biex il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, John Borg, mill-Arċipriet ta’ Ghajnsielem Dun Frankie Bajada u l-amministratur tal-Kurja ta' Għawdex Victor Gusman fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.

Dan il-proġett se jinkludi t-tibdil tal-pavimentar tal-asfalt, titjib fl-aċċessibiltà u installazzjoni ta’ dwal li jaħdmu bl-LED’s fost l-oħrajn. Dan il-proġett se jikkontribwixxi biex tissebbaħ il-pjazza tar-raħal.  Se titjieb l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabbiltà u jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. B’hekk se jkunu indirizzati l-għanijiet tal-viżjoni ta’ Eko Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex qal li proġett ieħor li se jsib l-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex fiż-żmien li ġej huwa dak tas-Santwarju Nazzjonali Ta' Pinu.  Dawn il-proġetti ta’ restawr se jkunu qed jgħinu biex jikber it-turiżmu reliġjuż lejn Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  “Qed naħdmu biex ikollna aktar riżorsi umani u l-aħħar teknoloġija biex intaffu l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni bil-Parkinson’s” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

PR262043

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

Aktar Stqarrijiet Right arrow